Therese Comodini Cachia tara opportunitajiet fil-Presidenza, iżda fl-istess waqt tgħid li hemm bżonn li Malta tinvolvi l-istakeholders Maltin u Għawdex biex dan il-frott jibqa’ magħna wara l-presidenza. “Il-Presidenza ġġib magħha sensiela ta' laqgħat u tagħti lil Malta ċ-ċans li anke tmexxi dawn il-laqgħat. Il-laqgħat jiddiskutu kwistjonijiet fuq livell Ewropew u għalhekk mhux neċessarjament li bħala Maltin se naraw xi benefiċċji diretti fl-isfidi tal-ħajja Maltija. Nistgħu naraw benefiċċji kemm-il darba nassiguraw li dawk il-kwistjonijiet Ewropej li jolqtu lil Maltin mill-aktar viċin jiġu diskussi u nwasslu għal soluzzjonijiet jew anke għal pożizzjoni Ewropeja li tkun ta' ġid għal Malta u nistgħu naraw benefiċċji wkoll jekk jirnexxielna ninvolvu lill-stakeholders Maltin u Għawdxin fil-laqgħat u attivitajiet li se jkunu qegħdin jinżammu hawn Malta.”
“Bħala nazzjon, il-Presidenza hija opportunità li għal darb'oħra nkunu fit-tmun tal-politika li tolqot ħafna pajjiżi u nkunu nistgħu ninfluwenzaw dan f'direzzjoni ġusta u li tħalli frott ukoll għall-Maltin u l-Għawdxin,” kompliet tgħid Comodini Cachia. “Dan huma dak li jista' jibqa magħna wara li jgħaddu s-sitt xhur tal-Presidenza.
Il-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew inevitabilment tpoġġini f’pożizzjoni li nara kif il-Presidenza Maltija tmexxi lejn progress fuq il-fajls li għandhom x'jaqsmu mas-suq uniku diġitali. Nixtieq nara li jintlaħaq ftehim fuq fajls li involuta l-ħidma tieghi b’mod dirett biex nara li l-UE jkollha qafas leġiżlattiv u l-infrastruttura li jipprovdu opportunitajiet diġitali liċ-ċittadini b’mod partikulari lill-ħaddiema u liż-żgħażagħ tagħna. Din għandha tkun parti integrali mill-viżjoni politika tal-Presidenza li twassal għal bidliet konkreti favur iċ-ċittadini tagħna,” temmet tgħid l-MPE.