Il-Parlament Ewropew juri fiduċja kbira f’Malta iżda jistaqsi...

Metsola tagħti bidu għal serje ta’ mistoqsijiet li jirrigwardaw il-ħasil tal-flus, il-Panama, il-korruzzjoni u l-‘golden passports’

ritratt Ray Attard
ritratt Ray Attard

Fl-ewwel ‘grilling’ tal-Ministri Maltin li qed imexxu l-presidenza tal-Kunsill Ewropew. Il-Ministru tal-Intern Carmelo Abela u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici wieġbu għal diversi mistoqsijiet jaħarqu minn diversi membri parlamentari Ewropej.

Wara li ż-żewġ ministri għamlu l-introduzzjoni tagħhom dwar dak li għandhom ippjanat li jwettqu f’dawn is-sitt xhur ta’ presidenza f’dak li jolqot il-ministeru tagħhom, kien hemm serje ta’ mistoqsijiet minn diversi membri parlamentari Ewropej li kollha wrew fiduċja fil-gvern Malti iżda kollha ressqu mistoqsijiet ta’ dubji.

Il-Ministru Owen Bonnici wieġeb b’mod diplomatiku u fl-istess ħin sod fejn qal li hu hemmhekk kien qed jagħmel il-preżentazzjoni f’isem il-ministri kollha tat-28 stat u mhux jirrapreżenta lil Malta, iżda xorta wieġeb għad-dubji li tefgħu xi wħud mill-membri Parlamentari.

Dawn il-mistoqsijiet ngħataw bidu mill-ewroparlamentari Maltija, Roberta Metsola li bdiet dawn is-serje ta’ mistoqsijiet billi staqsiet liż-żewġ ministri kif se jindirizzaw it-tema tal-korruzzjoni, tal-ħasil tal-flus u tal-Panama matul il-presidenza?  

Oħrajn qalu li ironika li Malta qed tbigħ il-passaporti tagħha li sejħitilhom ‘golden passports’ lil ċittadini mill-eks Unjoni Sovjetika u mil-Lvant nofsani u issa anke bi skema ta’ investiment maċ-Ċiniżi u titkellem dwar is-sigurtà fil-konfini tax-Shengen. Kien hemm min semma li Malta qed tissemma ħafna fi skandli ta’ korruzzjoni u li dan ma jagħmilx ġieħ lill-Unjoni Ewropea fejn hemm biss 6% li jemmnu fiha mill-poplu kollu Ewropew. Issemma l-fatt li dawn is-700 ċittadin li ‘xtraw’ il-passaport Malti għandhom jingħataw l-ismijiet tagħhom lill-Interpol biex jiġu indagati u jaraw li ma ġewx mixtrija minn kriminali jew terroristi.

Dwar dan kollu, il-Ministru Owen Bonnici qal li hu qed jitkellem f’isem it-28 stat, iżda li jista' jiżgura u jigarantixxi hu li Malta se taħdem biex ikun hemm liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa. Dwar il-korruzzjoni qal li anke jekk mhux suppost jiddiskuti pajjiżu xorta jfakkar li saret liġi li neħħiet il-preskrizzjoni fuq l-politiċi ħalli min jinqabad b’korruzzjoni ma jkunx jista' jaħrab mill-ġustizzja. Dwar min semma l-bejgħ tal-passaporti fakkarhom li kien l-istess Parlament fil-15 ta’ Marzu li approva l-iskema ta’ investiment. Semma wkoll li Malta se tagħmel minn kollox biex tħarrax il-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Ewropa u anke dwar il-liberalizazzjoni tal-viża fejn qal li Malta se tiffoka fuq il-liberalizazzjoni tal-viża tal-Ukrajina, Kosovo u t-Turkija.

Carmelo Abela parlament Ewropew
Carmelo Abela parlament Ewropew

Sadattant, Carmelo Abela żamm fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni fejn qal li Malta se tadotta ħarsa komprensiva lejn ir-riforma tal-ażil u dwar l-aġenzija ġdida li tkun effettiva li tiġi diskussa mal-parlament Ewropew. Il-Ministru Abela qal li s-solidarjetà trid tkun il-bażi komuni dwar l-immigrazzjoni għax f’dan is-suġġett ‘ninsabu fl-istess dgħajsa’. Hu temm billi qal li dwar sigurtà, terroriżmu u immigrazzjoni se jaħdem flimkien mal-Parlament Ewropew.

More in Politika