Wara li lbieraħ, il-Kummissjoni Ewropea tat l-approvazzjoni tagħha għall-għajnuna lill-istat, u approvat is-sostenn għall-Proġett tal-Enerġija tal-Elettriku u tal-Gass ta' Delimara f'Malta, illum il-Ministru Konrad Mizzi spjega kif dan wasal wara assessjar rigoruż tal-istess Kummissjoni.
Fost diversi punti, Mizzi qal kif il-garanziji bankarji li ngħataw fir-rigward tal-bini tal-powerstation, li tant qajmu kritika u tħassib lokalment, 'ma jqajmu l-ebda tħassib dwar l-għajnuna mill-istat.
Waqt konferenza stampa dwar dan, il-Ministru Mizzi sostna li l-Electrogas, li hi l-operatur tal-impjant ta' Delimara biex din tkun tista' tipprovdi enerġija għall-kumpanija Enemalta, fil-fatt mhux qed jitħallsu żżejjed. "Dan," kompla jgħid Mizzi, "joħroġ minn analiżi tal-mudell finanzjarju użat tal-Electrogas, u huwa wieħed li jikkumpara tajjeb ma' pajjiżi oħra, waqt li l-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-prezz li qed jitħallas huwa ġust.
Mizzi saħaq li l-proġett tal-bini tal-power station kienet fil-fatt neċessarju u kien 'l-iktar għażla sensibbli, fattibbli u li tagħmel sens finanzjarjament.'
Tul il-konferenza, ingħad ukoll fost l-oħrajn kif mill-analiżi tal-Kummissjoni, ġie kkonfermat li l-għażla tal-ElectroGas saret permezz ta' proċess ġust u kompetittiv, li l-proġett isegwi l-politika tal-Enerġija tal-UE, jipprovdi sigurtà għall-provvista ta' Malta, u fil-fatt verament għandu benefiċċji ambjentali tanġibbli.
Il-Ministru temm jgħid li bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, hemm ċertezza legali u ma jistgħux jiġu sfidatila mill-Unjoni Ewropea jew minn xi stat membru.