Aġġornata | Jieqfu n-negozjati bejn l-AirMalta u l-Alitalia

Wara laqgħat separati  bejn il-Ministru Zammit Lewis il-Management tal-AirMalta, l-ekwipaġġ u l-Unions, il-Ministru jikkonferma li n-negozjati bejn iż-żewġ linji tal-ajru ġew fi tmiemhom

Illum wara nofsinhar, il-bdoti tal-AirMalta, Inġiniera u membri tal-ekwipaġġ, ġew mistiedna flimkien mal-GWU biex jattendu għal laqgħat mal-Ministru Edward Zammit Lewis biex jiġu aġġornati dwar il-waqfien fin-negozjati bejn il-linja Nazzjonali Maltija u l-Alitalia, dwar l-akkwist tagħhom ta’ 49% tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta.

Wara li l-Ħadd li għadda, il-gazzetta Maltatoday ħabbret li n-negozjati bejn il-Gvern u l-Alitalia waqqfu, sal-bieraħ il-Unions kienu qed jilmentaw li għadhom fid-dlam dwar id-dettalji tal-eżitu tan-negozjati bejn iż-żewġ linji tal-ajru u għaldaqstant ġew imsejħa dawn il-laqgħat biex jiġu ċċarati l-affarijiet għall-partijiet ikkonċernati.

F’Ottubru li għadda sorsi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tkellmu mal-ILLUM u sostnew li “l-Prim Minsitru huwa riżolut li kull deċiżjoni meħuda fil-konfront tal-AirMalta, tkun ta’ frott għall-kumpanija, għall-pajjiż u għall-ħaddiema tal-istess kumpanija,”

Fl-istess rapport is-sorsi mill-Ufiċċju tal-Prim Ministru spjegaw kif id-deċiżjoni, li jieqfu n-negozjati kient qed tiġi kkunsidrata minħabba li “kulħadd se jkun qed jitlef. Se jitlef il-Gvern Malti u se titlef l-Air Malta fuq kollox, imma jista’ jkun li titlef ukoll l-Alitalia.”

Jidher li wara żmien ta’ kunsiderazzjnoi id-deċiżjoni ttieħdet, anke fid-dawl ta’ relazzjoni li qegħda dejjem teħżien bejn il-ħaddiema tal-Alitalia u l-kumpanija. Infartti dan is-sajf stess l-Alitalia kellha tikkanċella madwar 150 titjira wara li xi benefiċċji tal-ħaddiema tneħħew fi proċess ta’ tnaqqis ta’ spejjeż. Il-pożizzjoni tal-Alitalia żieded id-dilemma dwar negozjati magħha wara li l-kumpanija irrappurtat telf ta’ €500,000 kuljum.

Aktar tard matul il-ġurnata, fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tat-Turiżmu. ġie kkonfermat li l-AirMalta u l-Alitalia iddeċidew flimkien li jtemmu n-negozjati bejniethom dwar l-akkwist ta' 49% tal-ishma tal-linja nazzjonali tal-ajru AirMalta.

Iż-żewġ linji tal-ajru qablu bejniethom li t-tibdiliet fl-industrija tal-ajru ma kienux ideali biex isir dan il-ftehim u li ż-żewġ linji se jiffokaw dwar dan l-isfidi separatament mingħajr ma jidħlu f'ebda qbil bejniethom.

L-AirMalta u l-Alitalia se jibqgħu jikkolaboraw bejniethom fil-qbil kummerċjali diġà eżistenti bejn iż-żewġ linji tal-ajru.

Intant il-PN jakkuża l-Gvern b'nuqqas ta' viżjoni u jsejjaħ in-negozjati bħala 'Falliment fl-AirMalta'

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, il-partit qal li jemmen li l-aħbar tal-falliment fin-negozjati mal-Alitalia hija konferma tan-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern Laburista, li qed twassal għall-akbar inċertezza li qatt iffaċċjaw il-ħaddiema tal-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta. "Sfortunatament, il-ħaddiema u l-industrija tat-turiżmu issa se jkollha terfa’ l-piż ta’ din in-nuqqas ta’ viżjoni," sostna l-PN

Madankollu l-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li l-aktar ħaġa importanti f’dan l-istadju hija li l-futur tal-Air Malta jitpoġġa fuq sisien sodi biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jiffukaw fuq ħidmiethom u mhux jitħallew fl-inċertezza li qegħdin fiha. 

"Għaldaqstant", jgħid il-PN, "il-Gvern m’għandux ikompli jwebbes rasu f’toroq li ma jwasslu mkien u għandu jilqa’ l-proposti tal-Partit Nazzjonalista u l-imsieħba ewlenin kollha biex l-Air Malta tissaħħaħ b’investiment lokali."

More in Politika