Fid-diskors inawgurali bħala l-President tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Malti kien ferm sod fil-prijoritajiet ta’ Malta għal din il-Presidenza, fejn mill-ewwel beda jgħid li hu mhux se jaħli l-ħin ta’ dawk preżenti b’ħafna ‘cliches’ dwar l-immigrazzjoni. Semma meta sa ftit żmien ilu ħadd jew ftit kienu jagħtu kas tal-karba Maltija dwar l-immigrazzjoni, “iżda issa nbidel kollox. Niftakar meta dħalt hawn disa' snin ilu bħala Membru Parlamentari, konna aħna biss nitkellmu dwar l-immigrazzjoni u ħadd ma kien għena ħlief billi tawna xi ftit flus. Is-solidarjetà hi essenzjali għax hi valur Ewropew," sostna waqt applaws qawwi mill-Parlament Ewropew.
Muscat widdeb li fir-rebbiegħa qed nistennew influss qawwi ta’ immigranti mill-baħar tal-Mediterran, u dawn differenti minn dawk Sirjani u dawk li jidħlu mit-Turkija, iżda se jkollna kriżi kbira jekk mhux se nieħdu ħsiebha.”
Intant tkellmu wkoll għexieren ta’ Membri Parlamentari bil-maġġoranza jfaħħru l-fatt li l-prijorità tal-Presidenza Maltija se tkun l-immigrazzjoni, iżda kien hemm fosthom li qalu li l-Presidenza Maltija trid tisma liċ-ċittadini Ewropej (speċjalment nisa) li llum qed jgħixu ħajja ta’ biża' mill-kriminalità kbira f'pajjiżhom minħabba l-immigrazzjoni.
Muscat qal li hu jifhem lil kulħadd, “M’għandniex is-soluzzjoni kollha. Jista' jkollna differenzi ideoloġiċi kif se niffaċċjaw din il-problema, sew dik umanitarja kif ukoll tas-sigurtà. Iżda żgur li m’iniex żbaljat anke jekk nixtieq li jien, għax fi żmien tliet xhur se jkollna kriżi enormi meta eluf kbar jaqsmu lejn l-Ewropa minn fuq il-baħar. U jekk hemm pajjiżi li bnew il-ħitan biex iżommuhom 'il barra, fil-baħar ma nistgħux nibnu ħitan. Meta s-suldati tiegħi iċempluli mal-lejl ma jgħidulix fejn se nitfgħuhom lill-immigranti iżda kif se nsalvawhom. Irridu nattakkaw lil dawn il-gruppi kriminali, traffikanti ta’ dawn l-immigranti fejn iweġġgħu, għax inkella din il-problema tibqa' magħna u din se tkun il-'battle ground' tal-elezzjonijiet tal-Parlament li ġejjin fl-2019.
Brexit: Ftehim tajjeb imma inferjuri
Muscat tkellem ukoll dwar Brexit fejn semma l-għaqda li dejjem kien hemm bejn il-poplu Malti u dak Ingliż u qal li hu jrid li jkun hemm ftehim tajjeb iżda inferjuri minn dak li jkun hemm mal-istati membri. Qal ukoll li hu se jara li l-Parlament ikun involut kemm jista' jkun fid-diskussjonijiet u n-negozjati li anke hawn din l-affermazzjoni ntlaqgħet b’applaws.
Fl-aħħar nett, tkellem dwar il-fattur soċjali li qal li "hu l-essenza tal-Unjoni Ewropea, ‘Ewropa soċjali hi l-X Factor’ tal-Unjoni Ewropea," stqarrija li ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-Membri Parlamentari għax ħadd ma kkritikah, anzi kollha l-MPE faħħru li Malta għażlet li l-fattur soċjali jkun fost il-prijoriatjiet tagħha.
'Muscat huwa Ewropew konvint' - Juncker
Warajh tkellem il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker li faħħar lil Joseph Muscat. Qal li hu jemmen f’Malta għax 'Joseph Muscat hu Ewropew konvint. Faħħar ukoll il-fatt tal-element soċjali għax qal li din tkabbar il-kredibbiltà fl-Ewropa.'
Sadanittant, tkellmu għexieren ta’ deputati fosthom it-tliet Deputati Laburisti Maltin u David Casa, li kien kritiku lejn il-gvern ta’ Muscat meta qal, “Dan il-gvern imabarazzani u m’għandu l-ebda sens ta’ mistħija u mifni bil-korruzzjoni. Membri tiegħu inqabdu fil-fatt fil-Panama Papers, ħasil ta’ flus u ,l-Ministru Konrad Mizzi li f’din il-presidenza se jkun il-kelliem tal-enerġija għandu kumpanija l-Panama li għada attiva. Dan hu gvern xempju ta’ dak kollu li l-UE hi kontra. Kburi li jien Malti iżda l-kilba tiegħu ma tirrpareżentanix.”
Muscat wieġeb għal dawn l-akkużi billi qal li l-intervent ta’ David Casa hi politika lokali u hu lest li jiġġildilha b’mod politiku fejn suppost, jiġifieri Malta.
'Se naħdmu biex l-Ewropa tavvanza'
Kien hemm min semma l-fatt li Malta hi tax haven fejn Malta ħadet €14-il biljun minn kumpaniji li ħarbu milli jħallsu t-taxxi fil-pajjiżi tagħhom. Muscat wieġeb li hu jirrifjuta li jgħid li Malta hi ‘tax haven’ għax il-mod ta’ tassazzjoni tagħha kien approvat mill-Kummissjoni Ewropea minn qabel Malta daħlet fl-UE, “u qatt ma kien hemm problema qabel.” Fil-fatt, qam jitkellem membru Parlamentari Ġermaniż u qal, “xi tridha tagħmel Malta, tiftaħ il-minjieri jew tibda timanifattura l-karozzi, dak hu l-mod tagħha biex ikollha l-introjtu u allura mhi tagħmel xejn ħażin.”
Muscat temm id-diskors tiegħu billi qal, “Se naħdmu biex l-Ewropa mhux tahseb biex tirtira iżda biex tavvanza.”