[Aġġornata] 'Skjavitù' f'Marsaxlokk
sigħat twal ta’ xogħol, pagi miżeri, jgħixu f’bastiment u sa ftit ilu kienu jinħaslu fil-latrina – Il-PM kien infurmat bis-sitwazzjoni lura fl-2012 - L-Għaqda Koperattiva tas-Sajd tirreaġixxi ...
minn Albert Gauci Cunningham
F’Marsaxlokk, sforz diversi fatturi fosthom in-nuqqas ta’ Maltin li lesti jaħdmu fis-sajd, fl-aħħar snin tħallew jinbtu u jinfirxu prattiċi ta’ xogħol illegali fost diversi persuni barranin, l-aktar Filippini, Indoneżjani u anke Għarab. Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif dawn il-barranin qed jitħaddmu sigħat eżaġerati ta’ xogħol, xi minn daqqiet anke 20 siegħa kuljum, qed jingħataw pagi li jlaħħqu biss madwar €400 fix-xahar (jew minflok paga jingħata ħlas skont il-qabda), u bħala parti mill-‘kumpens’ għal xogħolhom qed jingħataw post fejn jorqdu fuq il-bastiment tas-sajd.
Dan apparti li sorsi oħrajn li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif sa ftit żmien ilu biss, dawn il-barranin kienu kostretti jużaw is-sink tal-latrina pubblika biex jinħaslu.
Dawn il-prattiċi, li jammontaw għal sfruttament ta’ diversi nies vulnerabbli u li saħansitra qed iqajmu mistoqsijiet relatati mas-sigurtà tal-pajjiż, mhux biss mhumiex qed isiru fil-moħbi, talli huma sigriet magħruf, speċjalment fost il-poplu ta’ Marsaxlokk. Tant li l-kwistjoni kienet tqajmet fl-2012 f’laqgħa għas-sajjieda ma’ Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni. Din il-laqgħa kienet magħluqa għall-midja.
Wieħed mis-sorsi tal-ILLUM iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “xejn aħjar minn skjavitù modern li ħadd ma jrid jitkellem dwarha.”
Galdes: ‘Mhux responsabbiltà tiegħi’
Is-sorsi differenti li tkellmu magħna, uħud li jaħdmu u jgħixu Marsaxlokk u oħrajn li le, spjegaw kif dawn il-persuni qed jitħaddmu f’operazzjonijiet ta’ sajd l-aktar minn bastimenti kbar (trawlers) f’operazzjonijiet li jibqgħu għaddejjin prattikament 24 siegħa kuljum. Fil-fatt, is-sorsi tagħna spjegaw kif sajjied żgħir ġeneralment jitfa’ mat-12-il biċċa xbiek kuljum, filwaqt li dawn il-bastimenti li jħaddmu l-barranin biċ-ċiċri, jitfgħu mal-50 biċċa xbiek.
Minkejja li l-aktar li qed ikunu impjegati huwa minn sajjieda kbar, numru ta’ sajjieda iżgħar ukoll qed iħaddmu numru ta’ barranin, li huwa mifhum ukoll li qed jaslu Malta permezz ta’ aġenzija, simili għas-sistema ta’ aġenziji li kienu qed ‘jimportaw’ ħaddiema Bulgari biex jaħdmu fil-qasam tal-akkomodazzjoni.
Dawk li qed iħaddmu dawn il-Filippini qed jiġġustifikaw l-impjieg ta’ dawn il-barranin bħala l-unika soluzzjoni għall-fatt li ftit jew xejn mill-Maltin ma jridu jaħdmu fis-sajd, bil-kundizzjonijiet u ħlas li qed jingħataw.
Intant, din il-gazzetta għamlet ukoll kuntatt mas-Segretarjat Parlamentari ta’ Roderick Galdes, responsabbli mis-setturi tal-biedja u s-sajd. L-ILLUM staqsietu jekk hux konxju ta’ dawn il-prattiċi u jekk hu, x’azzjoni mistenni li jieħu biex dan l-isfruttament ma jibqax għaddej.
Galdes irrisponda biss li l-kundizzjonijiet tax-xogħol “ma jaqgħux taht ir-responsabbiltà ta' dan is-Segretarjat għaldaqstant nitolbok tirreferi l-mistoqsijiet tiegħek lill-Ministeru konċernat.”
Intant, is-sorsi li tkellmu magħna, spjegaw kif apparti l-aspett umanitarju tas-sitwazzjoni, il-fatt li din l-attività mhux qed tiġi injorata, tista’ tagħti lok għal problemi relatati mas-sigurtà ta’ pajjiżna. Dan hekk kif ħadd ma jaf min hu dieħel u ħiereġ abbord dawn il-bastimenti, fil-port ta’ Marsaxlokk.
Direttiva tal-UE biex tipproteġi kontra l-abbuż fil-qasam tas-sajd
Intant, fit-13 ta’ Ottubru li għadda, il-Kunsill Ewropew approva direttiva li tagħti effett legali lil ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-UE (Cogeca, ETF and Europêche) fis-settur tas-sajd marittimu.
Il-ftehim tal-imsieħba soċjali jippermetti li l-ħidma tal-International Labour Organization (ILO) fil-Konvenzjoni tal-2017 dwar is-sajd tkun applikata fi ħdan l-UE.
L-objettiv tal-ftehim huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol għas-sajjieda u xogħol diċenti abbord bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ stat membru, inkluż barra l-ilmijiet tal-UE. Id-direttiva tkopri rekwiżiti minimi għas-sigħat ta’ xogħol u s-sigħat ta’ mistrieħ għas-sajjieda fuq il-baħar, kundizzjonijiet tas-servizz, sikurezza okkupazzjonali, protezzjoni għal mard relatat max-xogħol, proċeduri f’każ ta’ korriment jew mewt, kura medika abbord, ħlas tas-sajjieda, akkomodazzjoni u ikel.
Din id-direttiva ġġib il-liġi eżistenti tal-UE f’konformità mad-dispożizzjonijiet ġodda fil-Konvenzjoni tal-ILO.
Jidher li din tas-sajd hija waħda mill-bosta prattiċi ta’ prekarjat u prattiċi abbużivi f’diversi oqsma fil-pajjiż, liema sitwazzjonijiet u prattiċi qed jaslu għand il-gazzetta ILLUM. Fost dawn jidher li hemm abbuż rampanti ta’ ħaddiema barranin fl-oqsma tat-tindif kif ukoll f’ċertu fabbriki.
It-tielet rapport ta’ abbużi u sfruttament tal-ħaddiema mill-ILLUM
Fil-fatt, din hija t-tielet storja li qed tippubblika l-ILLUM dwar sfruttament ta’ ħaddiema barranin. Fit-28 ta’ Ġunju 2015, din il-gazzetta kienet żvelat kif lukanda partikolari fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż kienet stabbiliet kuntatti ma’ aġenziji tax-xogħol fil-Bulgarija, li min-naħa tagħhom, ifornuhom b’ħaddiema, qabel Bulgari imma minn dakinhar, iktar Maċedoni u Serbi, li jitħallsu €3.80 fis-siegħa u li minnha jkunu jridu jgħaddu bejn 10ċ u 20ċ lill-aġenzija li tkun ġabithom. Minkejja investigazzjoni mid-Dipartiment tar-Relazzjonijet Industrijali, din il-gazzetta baqgħet ma semgħet xejn iktar, anke jekk sar kuntatt biex insiru nafu jekk kienx hemm żviluppi.
Matul is-sena 2016, l-ILLUM segwiet l-abbuż fi Triq Aldo Moro u kif qed jinġabru u jitħaddmu l-immigranti miġburin mit-triq biex jagħmlu xogħolijiet differenti. Dwar dan, mistenni tittieħed azzjoni minn naħa ta’ JobsPlus u l-Gvern fiż-żmien li ġej.
L-Għaqda koperattiva tas-Sajd twieġeb ....
Intant ftit wara li ħarġet l-istorja l-Għaqda Koperativa ts-Sajd, filwaqt li ma ċaħditx illi jeżistu persuni li qed jitħaddmu b'dawn il-kundizzjonijiet qalet ukoll illi dawk li jinġiebu bl-aġenzija 'huma l-ftit' u li ħafna minnhom jagħmlu sajd li 'm'huwiex kif indikat min dan il-ġurnal. Għall-anqas fil-każ tas-sajjieda Maltin.'
L-Għaqda oġġezjonat għall-kelma 'skjavitù u saħqet illi l-kelma aħjar li setgħet intużat kienet 'prekarjat', kif fakkar illi bosta istituzzjonijiet qed iħaddmu lil ħaddiema, kif fil-fatt indikat fl-artiklu wkoll.
Il-Koperattiva saħqet mal-ILLUM illi dawn is-sajjieda jaslu Malta permezz ta Transhipment Visa' bir-rekwiżiti meħtieġa li jitlob il-VISA section' meta jaslu Malta mill-Ajruport jiġu mehuda is-Seaport Emigration Office u jiġu reġistrati fuq il-crew list tal-bastiment. Għalhekk saħqet illi ma tistax tifhem l-inkwiet ta' xi nies li kellmu lill-ILLUM dwar biżgħat u nuqqas ta' għarfien ta' min dieħel u ħiereġ mill-pajjiż.
F-aħħar nett il-Kperattiva sostniet ukoll li t-trawlers ta' Malta ma jaħdmux 24 siegha kuljum għax 'huma kollha mgħammra skond ir-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropja dan iċ-ċertifikat jisejjaħ Ship's Sanitation Certificate'.
Din il-gazzetta xtaqet tippreċiża li din l-istorja mhix qed tirreferi għall-persuni li jidhru fir-ritratti