Kandidat tal-PN jirreżenja wara li Refalo tah promozzjoni

Joseph Attard jirreżenja minn Kunsillier, jirtira l-Kandidatura tiegħu mal-PN u mhux se jġedded is-sħubija tiegħu mal-PN 

Joseph Attard- irreżenja mill-PN wara li ngħata promozzjoni mill-Ministeru t'Għawdex
Joseph Attard- irreżenja mill-PN wara li ngħata promozzjoni mill-Ministeru t'Għawdex

Joseph Attard, irreżenja minn Kandidat Għawdxi tal-Partit Nazzjonalista, mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra fejn kien Minority Leader tal-PN u mhux se jerġa’ jkun qed iġġedded it-tessera tiegħu mal-istess PN wara li ngħata promozzjoni/impjieg fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li timpedih milli jkun b’xi mod imdaħħal f’partit politiku.

Sorsi qrib tal-PN li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li bosta Għawdxin jinsabu ddiżappuntati bl-aġir ta’ Attard u akkużawh li, “uża lill-partit sakemm sab xi ħaġa aħjar.” Minkejja dan, meta kkuntattjat minn din il-gazzetta, Attard saħaq li l-ħajja mimlija għażliet, “u jien għażilt il-karriera minflok il-politika.”

Il-Partit Nazzjonalista żamm ir-riżenja ta’ Attard mistura

L-ILLUM hija infurmata li Attard ilu rrabjat għall-PN minn mindu ħass li l-kandidati l-ġodda qed jingħataw il-ġenb u l-aktar meta kien imħabbar li Marthese Portelli se tikkontesta fuq it-13-il distrett. Huwa mifhum ukoll li Attard ingħata l-ġenb ukoll minn dawk li jridu li Euchar Mizzi jibqa’ l-iktar persuna b’saħħitha fi ħdan il-PN, f’Għawdex.

Attard, skont is-sorsi ta’ din il-gazzetta, kien ilu jħoss li hu flimkien ma’ kandidati oħrajn fosthom Maria Portelli, Joe Ellis u Ryan Mercieca ftit għandhom ċans li jkunu eletti, biż-żewġ siġġijiet żguri għall-PN mistennija jmorru għand Chris Said u Marthese Portelli. Dawk li tkellmu magħna qalu li Attard kien ilu jagħti ħjiel li ma kien kuntent xejn bħala kandidat mal-Partit li minkejja titjib, xorta għadu qed jesperjenza diffikultajiet biex ikabbar sew l-appoġġ f’Għawdex, li hu meqjus bħala distrett kruċjali.

Imma mal-ILLUM, Attard ċaħad li b’xi mod kellu xi diżgwid mal-PN jew li l-Partit kellu reazzjoni negattiva għar-riżenja tiegħu. Fil-fatt huwa sostna magħna li ‘bgħatli Simon Busuttil, biex jirringrazzjani u jfaħħarni.’

Għal xi raġuni, din ir-riżenja, anke mill-Kunsill Lokali, li issa se jfisser li se ssir elezzjoni każwali fil-lokalità b’maġġoranza Laburista tax-Xagħra, inżammet mistura mill-Partit Nazzjonalista. Attard, qabel ma kien sar kandidat kien anke kanvażer ta’ Chris Said.

Intant, it-tellieqa bħalissa tibqa’ bejn Said u Portelli, f’każ li l-PN jerġa’ jirbaħ żewġ siġġijiet fuq Għawdex. Fil-każ li l-PN jirbaħ it-tielet siġġu, kif jidhru l-affarijiet s’issa, jidher li huwa Ryan Mercieca l-aktar li għandu ċans jirbħu. Mercieca għandu l-appoġġ ta’ numru konsiderevoli ta’ votanti ta’ Giovanna Debono. Dan imma jista’ faċilment jinbidel jekk Ċensu Galea jagħmilha uffiċjali li se jkun kandidat fit-13-il distrett, minflok fuq it-12 fejn mistennija tkun kandidata bintu Graziella Galea.

L-ILLUM kienet żvelat ukoll matul is-sena l-oħra li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien qed jikkunsidra li joħroġ fuq Għawdex. S’issa, iżda jidher li l-PN għadu qed itella’ u jniżżel jekk isirx dan u għalhekk id-deċiżjoni se tittieħed aktar qrib l-elezzjoni ġenerali.

 

 

 

More in Politika