Simon Busuttil: 'Jiġu nies għandi bid-dmugħ għax qed jorqdu fil-karozza'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar il-faqar u jgħid illi l-Gvern għadu lanqas bena appartament wieħed għal dawk li jinsabu fil-bżonn

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil (arkivji)
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil (arkivji)

'Il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku partit politiku f’Malta u Għawdex li qed joffri s-soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċjaw il-familji f’pajjiżna. Id-dokument b’171 proposta għal kwalità ta’ ħajja aħjar mniedi lbieraħ hu pass ieħor ta’ kif il-Partit Nazzjonalista qed jispjega l-viżjoni tiegħu ta’ Gvern ġdid f’pajjiżna.' Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza attività politika bit-tema ‘Nirnexxu Lkoll Flimkien’ fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fl-Imqabba. 

“Jien kburi b’dan id-dokument għaliex ilbieraħ saħħaħna fin-nies l-idea li hemm tama li xi ħadd f’dan il-pajjiż jista’ jagħmel l-affarijiet b’mod differenti,” qal Simon Busuttil. Hu qal li din it-tama hi importanti għaliex illum qed inbatu l-konsegwenzi ta’ min biegħ l-ambjent tagħna biex hu jkun fil-poter.

“Il-flus huma importanti, pero’ m’humiex kollox għall-kwalità tal-ħajja tagħna. Hemm affarijiet li ma tkejjilhomx bil-flus bħas-saħħa u l-kwalità tal-arja li huma importanti għalina,” 

“Aħna innovattivi u eċitati għall-ideat ġodda,” sostna Simon Busuttil, filwaqt li spjega li l-viżjoni tiegħu hi li Gvern ġdid Nazzjonalista jistudja l-possibilità ta’ solar roads, jiġifieri solar panels fit-toroq minn fejn isuqu n-nies. Proposta oħra hi li tiżdied in-nefqa fir-riċerka biex l-ideat ikunu mibnija fuq pedamenti sodi li minnhom joħorġu s-soluzzjonijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-investituri li fis-sajf li għadda ngħataw il-permess biex jibnu torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema, biex jirrikonsidraw dan il-proġett u jisimgħu minn-nies, u jirrevedu n-numru ta’ sulari biex huma wkoll juru li qed jisimgħu minn nies. Simon Busuttil wiegħed ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jidħol f’diskussjonijiet mal-investituri fiż-Żonqor biex ma jeqirdux l-art verġni fiż-Żonqor.

“Forsi minix qed ngħid l-aktar affarijiet popolari, imma dawn huma l-affarijiet li jien nemmen fihom għax jien nemmen fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Din hi t-tama li għandu jkollu l-poplu Malti li l-politika tista’ ssir b’mod differenti. Dan id-dokument jippreżenta mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista bħala l-partit tas-soluzzjonijiet mhux il-partit tal-iskandli, li jagħraf x’inhuma l-affarijiet li qed idejqu lis-soċjetà u jippreżentalha l-viżjoni,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri s-soluzzjonijiet għall-Air Malta

Simon Busuttil tkellem dwar l-Air Malta u sostna li wara erba’ snin ta’ Gvern Laburista, Muscat ma rnexxielu jagħmel xejn. “Il-Gvern kellu jammetti li dak li għednilu sena ilu kien veru, jiġifieri li kien qed jinnegozja ma’ kumpanija li kellha l-problemi kummerċjali tagħha,” qal Simon Busuttil. Hu ndirizza lill-ħaddiema tal-Air Malta u qal li jekk iridu li l-Air Malta tibqa’ l-linja nazzjonali tal-ajru, d-deċiżjoni hi waħda u ċara: il-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm għalihom u qiegħed joffri s-soluzzjoni.

Simon Busuttil qal li f’pajjiżna hawn problema kbira ta’ housing, anke fid-dawl li l-Partit Laburista, f’erba’ snin, ma bena ebda appartament tal-housing. “Il-canvaser tal-Ministru Evarist Bartolo bena blokka sħiħa f’sena għalih, imma l-Gvern ma bena ebda appartament għal min qiegħed fil-problemi,” sostna Simon Busuttil. “Jiġu għandi nies bid-dmugħ f’għajnejhom, li qed ikollkom jorqdu f’karozza,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

'Nirrifjuta li xi ħadd jiprova jħammiġġni'

Fil-konklużjoni tiegħu, Simon Busuttil spjega l-istrateġija maħmuġa tal-Partit Laburista li jitfa’ t-tajn kemm jiflaħ lejn il-Partit Nazzjonalista biex in-nies jaraw liż-żewġ partiti maħmuġin. Fost l-oħrajn, hu ġab eżempju bil-gideb tal-Ministru ta’ Owen Bonnici kontra x-Shadow Minister Jason Azzopardi. “Mhux għax kelli dubju, imma issa li nfaqgħet il-bużżieqa ta’ Owen Bonnici, kuntent li n-nies qed jaraw min vera għandu l-integrità,” qal Simon Busuttil. 

“Jiena nirrifjuta, u ma naċċettax li xi ħadd jiprova jħammiġġni. Minix maħmuġ u minix qiegħed fil-politika biex nitħammeġ. Għalhekk hemm bżonn li nnaddfu l-politika mill-ħmieġ, mill-gideb, mill-vendikazzjonijiet, u li ngħatu tama lil pajjiżna li l-politika tista’ ssir b’mod differenti,” temm jgħid Simon Busuttil.

Fil-bidu tad-diskors tiegħu, Simon Busuttil irringrazzja lill-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari Mario De Marco għad-diskors imqanqal tiegħu, minkejja li matul l-aħħar xhur għadda minn żminijiet diffiċli għalih.

More in Politika