L-ugwaljanza tas-sessi fuq il-post tax-xogħol fis-soċjetà tal-llum

“Aktar ugwaljanza twassal għal sitwazzjoni fejn kullħadd joħroġ rebbieh. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa se jibqgħu joħorġu għax-xogħol u se jibqgħu ikollhom it-tfal ukoll, allura hemm bżonn li tiġi ffaċjata r-realtà”

“Il-progress fir-rigward l-ugwaljanza tas-sessi fuq il-post tax-xogħol, u b’mod aktar ġenerali, fis-soċjetà, jirrikjedi li kemm min iħaddem, kif ukoll il-ħaddiema, jagħmlu aktar sforz biex ikunu inqas stretti fil-mod kif iħarsu lejn il-post tax-xogħol”.

Dan qalitu l-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Renee Laviera, waqt “business breakfast” għal min iħaddem, organizzat mill-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA) u l-GRTU.

Laiviera spjegat li hemm bżonn li s-soċjetà taddatta għar-realtajiet ġodda, u li l-biża’ mill-abbuż m’għandix tkun raġuni biex ma jiġux introdotti ċerti bidliet. “Qatt m’għandna nibqgħu lura milli nagħmlu xi ħaġa minħabba biża’ ta’ abbuż, għax inkella nispiċċaw ma nagħmlu xejn,” qalet Laiviera. Hija spjegat li jkun aktar kostruttiv li noħorġu b’politiċi aktar sensibbli u b’modi biex jiġu trattati abbużi potenzjali.

Laiviera qalet li l-bażi ta’ kollox hija l-fuduċja, hekk kif il-maġġoranza ta’ dawk li jridu jużaw dawn il-miżuri mhux se jabbużaw minnhom, għaliex huma stess għandhom bżonnhom.

Il-Ministru għad-Drittijiet Ċivili Helena Dalli tkellet ukoll fuq kemm is-soċjetà nbidlet u kif issa l-isifidi għall-ugwaljanza saru aktar kwistjonijiet ta’ sens komun, milli xi ħsieb radikali. Dalli qalet li dan jidher aktar meta jiġi kkunsidrat in-numru ta’ nisa kwalifikati li l-ekonomija titlef minħabba li dawn ikollhom jagħżlu bejn il-karriera u t-trobbija tat-tfal.

Minbarra l-impatti ekonomiċi ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni femminili fid-dinja tax-xogħol, Dalli enfasizzat ukoll dwar l-importanza tal-involviment tal-irġiel fit-trobbija tat-tfal, li jħalli wkoll effett fuq it-tfal stess.

“Aktar ugwaljanza twassal għal sitwazzjoni fejn kullħadd joħroġ rebbieh. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa se jibqgħu joħorġu għax-xogħol u se jibqgħu ikollhom it-tfal ukoll, allura hemm bżonn li tiġi ffaċjata r-realtà, qalet Dalli.

Aktar tard matul il-ġurnata saru numru ta’ diskussjonijiet li fihom ġew diskussi r-realtajiet li jiffaċċjaw in-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol b’relazzjoni mal-ugwaljanza tas-sessi, fejn fost is-suġġetti diskussi kien hemm l-opportunitajiet li għandhom joffru l-kumpaniji li jħaddmu fejn jidħol “parental leave” kemm għall-omm u għall-missier u possibiltajiet li ġenituri jaħdmu mid-dar meta jkun hemm bżonn li wieħed minnhom jibqa’ d-dar ma’ tfal li jkunu morda.

More in Politika