Eżatt wara s-sessjoni fejn il-Ministru Bartolo ppreżenta flimkien mal-Ministru Owen Bonnici l-prijoritajiet tal-Kultura u Edukazzjoni, l-ILLUM li kien preżenti fis-sala tal-kumitat talbu l-kummenti tiegħu dwar il-fatt li l-membri Parlamentari Ewropej qed jattakkaw lil ministri Laburisti fuq il-korruzzjoni fil-politika Maltija.
“Qed nistħajjilhom in-nanna Venut ġiet Brussell” beda jgħid Bartolo bi tbissima. “Ifhimni hawn aħna qas nistgħu biss li niddiskutu pajjiżna. Għax hawn aħna l-Ministri tal-Presidenza u meta tkellimt hawn kont qed nitkellem f’isem il-Presidenza Maltija għat-27 stat l-ieħor. Aħna lanqas nistgħu nieħdu vantaġġ għal malta fil-presidenza.
“Waqt il-mistoqisja ta’ Therese Comodini Cachia ħarist lejn il-membri Parlamentari l-oħra Ewropej (fejn is-sala kienet imbullata bihom) u rajthom kollha b’ħarsa perplessa. Bħal speċi qed jgħidu din x’mistoqsija hi?”
Mitlub jgħid jekk dawn il-mistoqsijiet jew l-attakki mill-MEP’s Nazzjoanlisti hux qed itappnu l-presidenza Maltija, Bartolo qal li dawn mhux qed isiru biex jagħmlu ħoss fl-Ewropa għax mhux qed jagħtu kashom, iżda biex jaslu permezz tal-midja f’Malta f’pajjiżna.
Sadattant il-Ministru Bartolo fil-Parlament wieġeb hekk għal mistoqsija ta’ Comodini Cachia, “Dwar fejn irid jasal il-Kunsill sa Ġunju li ġej hi li ngħollu l-livell tal-edukazzjoni fl-ewropa kollha bil-konklużjoni tkun l-inklużjoni u d-diversita fl-edukazzjoni. Ili 25 sena fil-Parlament Malti u dejjem iġġilidt kontra l-korruzzjoni u se nibqa niġġieled kontra l-korruzzjoni u mhux se neżita nieħu passi anke jekk nies viċin tiegħi jagħmlu xi ħaġa li mhux suppost issir. Ir-rekords tiegħi jitkellmu weħidhom għax jien iġġilidt għal liberta tal-informazzjoni, biex nintroduċi ‘standards’ fil-ħajja pubblika, finanzjament tal-partiti politiċi, il-liġi tal-whistleblower, alluar r-rekords tiegħi jitkellmu weħidhom nerġa ntenni.”