Owen Bonnici: 'Inqas paroli, aktar azzjoni'

‘Irridu noħolqu mekkaniżmu fuq l-internet biex noħolqu xogħol għall-artisti u għal min jaqla x’jiekol mill-arti'

Il-Ministru Owen Bonnici meta kien qed jippreżenta l-prijoritajiet tal-presidenza quddiem il-Parlament Ewropew qal li Malta se taħdem biex jiġi regolat l-Internet bħalma hu regolat it-televiżjoni.

Ġab eżempju ta’ bintu li meta qalilha li se jixtrilha televiżjoni qaltlu li hi għandha t-tablet u hemmhekk tara kollox. “Dan ifisser ċar li l-ġenerazzjoni l-ġdida marret lil hinn mit-televiżjoni u għalhekk l-Unjoni Ewropea trid taħdem fuq l-online. Bħalma ħloqna regolamenti biex nirregolaw it-televiżjoni, rridu noħolqu mekkaniżmu biex nirregolaw ukoll l-internet. U Malta se taħdem fil-presidenza fuq dan il-qasam bħala prijorita.”

Mistoqsi minn ILLUM jekk dan ifissirx li se tinħoloq xi forma ta’ ċensura fuq l-internet mill-Unjoni ewropea, Bonnici qal li mhux dak ried ifisser, iżda li bħalma hemm liġijiet Ewropej li fuq it-televiżjoni jrid ikun hemm programmi b’tema Ewropea. “anke kumpaniji li jagħtu servizz fuq l-internet (fejn semma n-Netflix) iridu joffru programmi kulturali. Għax b’dan il-mod noħolqu xogħol għall-artisti u min jaqla x’jiekol mill-arti.”

Owen Bonnici semma wkoll li jaqbel li jinħoloq mekkaniżmu biex it-tfal ma jsibux ruħhom jaraw il-films pornografiċi u biex wieħed jikkontrolla l-kliem ta’ mibgħedha fuq l-internet.

Sadattant fl-istess kumitat ħareġ fil-beraħ li se tkun taħt il-presidenza ta’ Malta li se tkun definita s-Sena Ewropea tal-wirt Kulturali fis-sena 2018 li taħbat eżatt mas-sena li l-belt kapitali ewropea hi Valletta. “Ninsab onorat li Malta fl-ewwel okkażżjoni tal-presidenza tagħha se jkollha l-opportunita li tieħu ħsieb din il-proposta tal-Parlament ewropew flimkien mal-Kummissjoni Ewropea biex din is-sena jsir l-ewwel ‘trilogue’ fejn jiġi deċiż mal-Kunsill li l-Ewropa tifesteġġja għall-ewwel darba is-sena tal-wirt Kulturali Ewropew fis-sena 2018.”

Bonnici temm l-indirizz tiegħu billi qal li Malta se tara li timxi wara s-sentenza minn kanzunetta ta’ Elvis Presley,  A little less conversation, a little more action please

 

 

 

 

 

More in Politika