Joseph Muscat jikkonferma...Elezzjoni Ġenerali għal Marzu 2018

Muscat ammetta li kien diżappuntat bil-każ Panama, iżda qal li l-Gvern wettaq għadd ta' wegħdiet elettorali

.
.

L-elezzjoni ġenerali li jmiss mistennija ssir f'Marzu tas-sena d-dieħla, hekk kif jintemm il-leġiżlatura ta' ħames snin tal-Gvern. Dan ikkonfermah il-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ filgħaxija waqt il-programm tar-radju, Djalogu fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista.

Din l-istqarrija tiġi wara li fl-aħħar xhur kien hemm diversi spekulazzjonijiet dwar meta kienet se tkun qed issir l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Waqt il-programm, Muscat qal kif il-programm elettorali għal din l-elezzjoni se jkun qed ikompli jibni fuq dak li sar u għaldaqstant, jinkludi proposti biex il-ħidma mibdija bil-programm elettorali li għadda, tkompli. "Li kieku ma kinetx għall-ħidma ta' dan il-Gvern, ammont ta' proposti fil-manifest ma kinux jistgħu jkunu possibbli," sostna Muscat.

Matul il-programm, il-Prim Ministru Muscat ammetta li kien diżappuntat b'dak li ġara fil-każ tal-Panama Papers, iżda fl-istess waqt sostna kif il-Gvern kien wettaq diversi wegħdiet elettorali li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, itejjeb l-ekonomija u jnaqqas il-qgħad.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Prim Ministru tkellem dwar data għall-elezzjoni ġenerali, hekk kif lura f'Novembru li għadda, din il-gazzetta rrappurtat kif Joseph Muscat qal li l-elezzjoni se tkun qed issir kmieni fl-2018.

More in Politika