Muscat: 'Wara kull numru u ċifra hemm persuni u familji'

Minn 4,615 persuna jirreġistraw fl-2015, issa dawn naqsu għal 2,912...il-PM Muscat jirreaġixxi għaċ-ċifri tal-qgħad, l-inqas fl-istorja ekonomika ta' pajjiżna

Il-PM Joseph Muscat
Il-PM Joseph Muscat

Matul Diċembru tas-sena li għaddiet, in-numru ta' persuni jirreġistraw għal impjieg kien ta' 2,912, u dan jitqabbel mal-4,615-il persuna li kienu qed jirreġistraw matul Diċembru tas-sena ta' qabel.

Figuri tal-aġenzija Jobsplus, ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistik juru li kien hemm tnaqqis ta' 1,489 persuna jirreġistraw taħt l-iskema Part I, u tnaqqis ta' 214 taħt Part II tar-reġistru tal-qgħad meta mqabbel ma' Diċembru ta' qabel.

Kull grupp ta' età ra tnaqqis, minbarra dawk ta' taħt l-20 sena, waqt li t-tnaqqis ġie reġistrat irrelevanti minn kemm il-persuni kienu ilhom jirreġistraw, bl-akbar tnaqqis ikun fost dawk li ilhom jirreġistraw ftit iktar minn sena.

Anke n-numru ta' persuni b'diżabbiltà naqas, b'44 persuna inqas, biex issa l-persuni b'diżabbiltà li qegħdin jirreġistraw niżlu għal 354 persuna.

Intant f'reazzjoni l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li wara kull numru hemm persuna u hemm familja.

'Il-fatt li  ħafna aktar irġiel u nisa ‘il fuq minn 45 sena, aktar persuni b’diżabbiltà u aktar nies f’riskju soċjali sabu xogħol, juri li minkejja li bħalissa għandna perjodu impenjattiv bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ħsiebna jibqa’ l-ewwel f’pajjiżna, u jibqa’ l-ewwel fil-familji u fin-negozji tal-Maltin u Għawdxin,' stqarr il-Prim Ministru.

Muscat temm jgħid li illum hija ġurnata ta' ferħ hekk kif bħala 'Maltin u Għawdxin, ksibna l-inqas numru ta’ nies fl-istorja li qegħdin ifittxu xogħol.' 

More in Politika