Tkompli l-ġlieda kontra l-bullying fl-iskejjel

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jisħaq li l-ġlieda kontra l-bullying għadha reali, iżda qed isir progress b'saħħtu u promettenti

Hekk kif iktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Parlament ġew ippreżentati l-aħħar ċifri fuq il-bullying fl-iskejjel, il-Ministeru għall-Edukazzjoni jisħaq li l-ġlieda kontra l-bullying għadha reali, iżda qed isir progress b'saħħtu u promettenti.

F’Ottubru tal-2014, il-Ministeru kien nieda il-politika msejjħa “Addressing Bullying Behaviour in Schools” , biex tiffoka fuq imġieba pożittiva fost it-tfal u żgħażagħ u biex tgħin lil dawk li jaħdmu fl-iskejjel jieħdu azzjoni, inkluż li tiġi iffaċjata u diskussa l-problema, u xi jwassal għall-bullying.

Din il-Politika, barra li ħolqot aktar għarfien, provdiet ukoll makkinarju ta’ rappurtaġġ u ta’ azzjonijiet li jirrisponsabilizzaw kemm lit-tfal, il-ġenituri kif ukoll lill-iskola. Din il-Politika ġiet żviluppata taħt ir-“Respect for All” Framework. Dan il-qafas jiġbor fih numru ta’ politiċi oħra, li jgħinu l-iskejjel biex b’responsabiltà kollettiva joħolqu, jiżviluppaw u jsaħħu ambjent b’saħħtu u sikur kemm għat-tfal kif ukoll għall-edukaturi fl-iskejjel.   

Din il-Politika, flimkien ma’ inizjattivi oħra li ħa l-Ministeru b’mod strateġiku, kellha impatt pożittiv biex iktar każijiet jiġu irrapurtati u l-isfida fl-iskejjel tigi iffaċjata fl-apert, biex it-tfal li qegħdin ikunu vittma tal-bullying jingħataw attenzjoni immedjata, dawk li jkun qed iwettqu dawn l-azzjonijiet jigu megħjuna biex jgħelbu dan l-aġir, u dawk li jkun preżenti huma ukoll milħuqa.  Qed jigu indirizzati ukoll ċertu sfidi soċjali li huma parti mis-sors tar-realtà tal-bullying fl-iskejjel.

Fl-2015 biss, il-Ministru ingaġġa xejn inqas minn 65 prattikant ġdid biex jaħdmu ta’ sapport fl-iskejjel. Dan l-ingaġġ bla preċedent jinkludi ħaddiema li jaħdmu fuq sfidi soċjali u counsellors li jagħtu sapport fuq kull livell lit-tfal. Infatti illum il-ġurnata hemm fi ħdan l-‘Anti-Bullying Service’, guidance teacher għal kull kulleġġ. Qegħdin isiru programmi kemm edukattivi u ta’ prevenzjoni mal-istudenti u l-ġenituri li diġà qegħdin iħallu riżultat pożittiv għax kemm il-genituri u l-istudenti qegħdin jistaqsu u jfittxu aktar u aktar għal din l-għajnuna.  Ġew ingaġġati ukoll għaxar ħaddiema mill-qasam tal-psikologija biex jingħata servizz iktar wiesa’ lill-istudenti.

Il-Ministeru huwa kommess li jibqa’ jinvesti fil-ħaddiema tiegħu preżenti u jingaġġa iktar nies ta’ kwalità, ġaladarba din hija prijorità għall-istudenti, ġenituri, u edukaturi biex l-esperjenza edukattiva tkun waħda ta’ kwalità għolja.

More in Politika