Pressjoni fuq Evarist Bartolo mill-‘Gift of Life’

Il-‘Gift of Life’ qed jagħmlu pressjoni fuq il-Ministru Evarist Bartolo biex ma jwaqqafx 'id-dritt tal-istudenti li jitgħallmu dwar l-abort' waqt lezzjonijiet tal-PSD fl-iskejjel

Il-grupp favur il-ħajja, voċiferi kontra l-abort, l-IVF u l-morning-after pill, il-‘Gift of Life’, qegħdin imexxu ittra fuq il-paġna ta' Facebook tagħhom sabiex jagħmlu pressjoni fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo dwar il-kwistjoni ta’ edukazzjoni dwar l-abort fl-iskejjel.

Il-‘Gift of Life’ jidher li ġew urtati bit-talba ta’ xi gruppi favur id-drittijiet tan-nisa li talbu għal ‘dibattitu matur dwar id-drittijiet tar-riproduzzjoni u l-abort’ fl-iskejjel.

Dan il-punt ġie msaħħaħ aktar wara li ftit taż-żmien ilu, xi ġenituri ilmentaw kontra lezzjonijiet tal-PSD, fl-Iskola tal-Isports f'Pembroke,  li nformaw lill-istudenti dwar l-abort, anke permezz ta’ filmat, li xi ġenituri oġġezzjonaw għalih għax skonthom kien wisq ‘grafiku’ għall-istudenti.

Għaldaqstant huma qegħdin jagħmlu pressjoni fuq il-Ministru Bartolo sabiex huwa “jibqa’ jipproteġi d-dritt tal-istudenti Maltin li jibqgħu jiġu mgħallma dwar valuri pożittivi, bbażati fuq fatti korretti u etiċi dwar il-valur tal-ħajja," waqt il-lezzjonijiet tal-PSD.

‘Gift of Life’ qegħdin jappellaw lill-Ministru, anke billi jfakkruh li hu stess kien iffirma l-petizzjoni tagħhom favur il-bidu tal-ħajja waqt il-konċepiment, sabiex dawn il-lezzjonijiet, 'li permezz tagħhom ġiet evitata ħafna konfużjoni dwar dan is-suġġett għal ħafna studenti Maltin, ma jitwaqqfux.'

Fuq il-paġna ta' Facebook tagħhom, ‘Gift of Life’ qegħdin iħeġġu lil dawk kollha li jaqblu magħhom biex ixerrdu l-ittra fuq il-paġna personali tagħhom u jibgħatu kopja iffirmata tagħha lill-Ministru Bartolo biex iwasslu t-talba tagħhom.

More in Politika