‘Sejrin aħjar’
Bidla għall-aħjar għall-bejjiegħa tal-monti rilokati fi Triq l-Ordinanza u antiċipazzjoni biex isiru bankarelli fissi ġodda
More in Politika
Bidla għall-aħjar għall-bejjiegħa tal-monti rilokati fi Triq l-Ordinanza u antiċipazzjoni biex isiru bankarelli fissi ġodda
Wara sitt xhur jarmaw fi Triq l-Ordinanza, il-bejjiegħa tal-monti qed jesprimu sentiment pożittiv, għalkemm xi ftit kawt, dwar l-anadament tal-bejgħ minn kemm ilhom li ġew rilokati.
Mill-bejjiegħa li tkellmu mal-ILLUM aktar kmieni din il-ġimgħa, jirriżulta li minkejja negozju ħażin fi żmien il-Milied u bidu tas-sena bil-maltemp, iċ-ċifri tal-bejgħ xorta qed jindikaw li l-bejjiegħa qed imorru aħjar minn meta kienu jarmaw fi Triq il-Merkanti.
Wieħed mill-bejjiegħa li tkellem mal-ILLUM, Kurt Aquilina, sostna li fi Triq l-Ordinanza, sejrin ħafna aħjar, hekk kif bħala żona din hija aħjar kemm għalihom kif ukoll għall-klijenti. Aquilina saħaq li forsi għax aktar viċin tad-daħla tal-Belt, il-post huwa aktar aċċessibbli għal aktar nies. Il-bejjiegħ sostna li ra wkoll żieda fil-klijenti barranin. “Fejn konna qabel, konna qisna minsijin,” saħaq il-bejjiegħ, li stqarr ukoll li ż-żieda fil-bejgħ qiegħda tinkoraġġixxi aktar bejjiegħa jinvestu fi prodotti differenti u aħjar.
Ħafna mill-bejjiegħa qalu li minkejja li ilhom biss sitt xhur fi Triq l-Ordinanza, s’issa kollox juri li d-dħul għalihom se jkunu aħjar minn kif kienu meta l-monti kien fi Triq il-Merkanti. Roderick Mangion, bejjiegħ ieħor tal-monti stqarr li fi Triq il-Merkanti, speċjalment fin-naħa t’isfel, ħafna mill-bejjiegħa kienu viċin li jfallilhom in-negozju. “Il-post aħjar u l-frekwenza tan-nies li jiġu hawn, għamlet differenza kbira għal ħafna minna,” qal Mangion.
Vince Grima, bejjiegħ li ilu 46 sena jarma fuq il-monti, iħoss li n-negozju sejjer aħjar minn meta l-monti mexa fi Triq l-Ordinanza, għax bħala post, jilħaq aktar nies. Bħala qligħ, Grima qal li s’issa baqa’ fejn kien, it-turisti ma naqsux u la jibda s-sajf, fiduċjuż li jara aktar progress.
Il-Milied kien batut u f’Jannar il-monti spiss ma ramax minħabba l-maltemp
Bejjiegħ ieħor innota li minn Awwissu, kellhom bidu tajjeb, li mill-ewwel wera differenza għall-aħjar minn Triq il-Merkanti. Huwa żied jgħid li lejn l-aħħar tas-sena, in-negozju naqas, speċjalment fil-Milied, li hu ddeskriva bħala l-agħar Milied li qatt ra. L-istess bejjiegħ innota wkoll li minkejja li Triq l-Ordinanza hija aħjar bħala lqugħ mill-elementi u aktar ċentrali, huwa ħass li tilfu ħafna turisti tal-‘cruiseliners’ li kienu jitilgħu mill-lift tal-barrakka u jibdew iż-żjara fil-Belt bi Triq il-Merkanti, u l-monti. Minkejja dan, l-istess bejjiegħ fiduċjuż li kif it-temp ikun aħjar u joqrob is-sajf, issa li anke l-Maltin draw il-post, in-negozju jirpilja, bil-possibiltà li jmur tajjeb daqs qatt qabel.
Pauline Buhagiar, mara li ilha snin tarma fuq il-monti qablet li l-aħjar ħaġa minn Triq l-Ordinanza hija l-ilqugħ mill-elementi. Hija qalet li s’issa hi ma kellhiex xi differenza kbira fil-qligħ, “la għall-aħjar, imma tal-inqas qatt għall-agħar.” Buhagiar temmen li l-fatt li qegħdin fid-daħla tal-Belt ma jagħmilx xi differenza kbira, għax xorta ma’ ġenb qegħdin. Minkejja dan, anke hi kuntenta bil-post il-ġdid fejn qed jarma l-monti u “issa nistennew is-sajf biex vera naraw kif immorru”
‘Il-post tajjeb, ikun biss aħjar jekk isiru bankarelli fissi’
Fl-2016 qabel mal-monti mexa għal Triq l-Ordinanza kien intagħżel disinn partikolari għall-bankarelli, li ma ntlaqax tajjeb mill-bejjiegħa minħabba nuqqas ta' funzjonalità adegwata għall-ħtiġijiet tagħhom.
Peress li s’issa, għadu ma ntlaħaqx qbil fuq id-disinn, il-banakrelli li għadhom jintramaw sal-lum fi Triq l-Ordinanza, huma l-istess bankarelli l-qodma li kulħadd imdorri jara fi Triq il-Merkanti, li l-bejjiegħa jarmaw u jżarmaw kuljum.
Mario Aquilina stqarr mal-ILLUM li filwaqt li n-negozju sejjer tajjeb fi Triq l-Ordinanza, l-affarijiet ikunu ħafna aħjar għall-bejjiegħa kollha kieku jsiru xi forma ta’ gabbani fissi, bħalma issa se jsiru fi Pjazza Tritoni.
Aquilina jemmen li bħala dehra għad-daħla tal-Belt, ikunu aktar xierqa, speċjalment issa bil-V18. Aquilina, flimkien ma’ numru oħra ta’ bejjiegħa li tkellmu mal-ILLUM jemmnu li b’bankarelli fissi huma jiffrankaw il-kedda li jarmaw u jżarmaw kuljum u jkunu aktar prattiċi għalihom biex iħallu l-merkanzija msakkra fihom. Permezz ta’ dan, jitnaqqas ukoll it-traffiku u l-konfużjoni ta’ vannijiet kull filgħodu waqt il-ħin tal-armar.
Ħafna mill-bejjiegħa qablu li jkunu lesti jħallsu kera raġonevoli għall-bankarelli fissi u li jissakkru.
Minnbarra l-prattiċità, bejjiegħ ieħor żied jgħid li meta bħal dan ix-xahar, ħafna ġranet il-monti ma ramax minħabba l-maltemp, għad-detriment tal-bejjiegħa li ma jagħmlu ebda qligħ f’dik il-ġurnata, kieku jkollhom bankarelli fissi, anke fix-xita jkunu jistgħu jiftħu mingħajr periklu li l-prodotti tagħhom issirilhom il-ħsara.
“Apparti minn hekk, almenu b’gabbana.... xi ħadd li jidħol il-Belt bilfors għax-xogħol, anke fil-maltemp forsi jgħaddi jixtri xi ħaġa.”