‘Iċ-ċertifikati mhux dejjem ifissru ħiliet...’

Il-Ministru Evarist Bartolo jgħid li ma rridux nibqgħu inħalltu ċ-ċertifikati mal-ħiliet hekk kif għamel proposti għal bidla fis-sistema tal-MATSEC

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo preżenta dokument ta’ 277 paġna li fih hemm numru ta’ proposti dwar titjib tas-sistema fis-sixth form
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo preżenta dokument ta’ 277 paġna li fih hemm numru ta’ proposti dwar titjib tas-sistema fis-sixth form

Is-sistema tal-MATSEC għall-istudenti tas-sixth form se tinbidel minn waħda esklussivament akademika u bbażata biss fuq l-eżamijiet, bħala parti minn bidla fis-sistema edukattiva post sekondarja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li “bħalissa s-sistema  tal-eżamijiet hija tellieqa biex jinkisbu ċ-ċertifikati, li mhux l-aħjar tip ta’ edukazzjoni. Huwa żied jgħid li “m’għandniex inħalltu ċ-ċertifikati mal-ħiliet, hekk kif ħafna studenti jinsew madwar 80% ta’ dak li jkunu studjaw sa sentejn wara l-eżamijiet.”

Il-Ministru qabbel dan mal-fast food li huwa qal li bħalma dan mhux tajjeb għas-saħħa, bl-istess mod l-eżamijiet mgħaġġlin huma ħżiena għall-edukazzjoni tat-tfal.

Waqt l-istess konferenza, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo preżenta dokument ta’ 277 paġna li fih hemm numru ta’ proposti għall-konsulatazzjoni publika dwar titjib tas-sistema fis-sixth form. Il-proposti fid-dokument saru wara konsultazzjoni ma’ uffiċjali tas-sixth form, għalliema u studenti.

Uħud mill-proposti jinkludu l-bidla fil-ħinijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC, żieda fin-numru ta’ sixth forms f’Malta u reviżjoni tas-sillabu tal-MATSEC  li jirrifletti ħiliet aktar kontemporanji.

More in Politika