Jibda x-xogħol fuq il-funtana tat-Tritoni

Bħala parti mill-proġett ta' tisbiħ tad-daħla tal-Belt...daqt jibda wkoll ir-ristawr tal-funtana tat-Tritoni

Jibda x-xogħol fuq il-funtana tat-Tritoni
Jibda x-xogħol fuq il-funtana tat-Tritoni

Min daħal il-Belt dalgħodu seta' jinnota numru ta' ħaddiema jdawru l-funtana tat-Tritoni bi struttura tal-ħadid. Dan se jagħti l-bidu għar-ristawr tant mistenni tal-funtana, li se tkun l-attrazzjoni ċentrali tal-proġett ta' tisbiħ ta' Pjazza Tritoni, li se jwassal lill-Belt Valletta għas-sena li se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Il-Proġett ta' Pjazza Tritoni, pjanat bi spiża ta' €10 miljuni, u li se jkun lest sa l-aħħar tl-2017, huwa maqsum f’fażijiet differenti. Bil-bidu tax-xogħolijiet mawdar il-funtana il-proġett se jkun qed jibda r-raba' fażi tiegħu. Ix-xogħol madwar il-funtana u r-ristawr tagħha stess se jkun qed isir kontemporanjament ma' dak li għadu għaddej fuq uħud mill-fażijiet l-oħra.

L-ewwel fażi kienet tinkludi roundabout ta’ 15 il-metru biex jiġi ffaċilitat it-traffiku fi Triq l-Assedju l-Kbir u Triq Francesco Buonamici. Saru servizzi ġodda u se jkun għaddej xogħol fuq żona ta’ stennija u mistrieħ għas-sewwieqa tat-taxis.

It-tieni fażi, li għadu għaddej ix-xogħol fuqha s'issa, tinkludi t-tisbiħ taż-żona tal-Biskuttin, b'pavimentar ġdid magħmul mill-ġebel tal-qawwi, għamara tat-toroq ġodda li se jinkludu wkoll `info kiosks`, u linji fil-ġebla bħala direzzjoni għal dawk neqsin mid-dawl, tħawwil mill-ġdid ta’ siġar flok dawk mejta u tixtil ta' dawk eżistenti.

It-tielet fażi tal-proġett, tinkludi t-tneħħija ta’ strixxa ċentrali eżistenti biex takkomoda żona ta’ stennija għall-karozzi tal-linja, fejn se jkun hemm spazju għal 10 karozzi. Se tinħoloq ukoll żona ta’ stennija għall-karozzi tal-linja tul Vjal ir-Re Dwardu, li mistennija tieħu sa 14-il karozza tal-linja.

Parti oħra mill-proġett ta’ tisbiħ għad-daħla tal-Belt Valletta u Pjazza Tritoni, se tinvolvi xogħolijiet ta’ tisbiħ fil-biċċa ta’ quddiem tal-foss, taħt id-daħla tal-Belt.

Ix-xogħolijiet fil-foss se jinkludu l-ħolqien ta’ ġnien li se joffri aktar ħdura, bl-istess mod ta’ kif hemm fil-foss tal-Imdina, u numru ta’ “pjazzetti” miftuha, magħmulin minn pavimentar tal-ġebel tal-aħrax.

Fil-ġnien tal-foss se jkun hemm ukoll aċċess f’forma ta’ trejqa li minnha tgħaddi vettura waħda, bejn il-parkeġġ fid-daħla prinċipali u l-‘ Lascaris war rooms’.

Dan il-proġett kollhu, inkluż ir-ristawr tal-funtana tat-Tritoni, tal-iskultur Ċensu Apap, se jagħti dehra ġdida u aktar dinjituża lid-daħla tal-Belt Valletta li se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018.

More in Politika