Riżultati f’temp ta’ siegħa għal testijiet tal-HIV... dalwaqt disponibbli Malta

B’żieda ta’ każi ġodda ta’ HIV, speċjalment fost irġiel omosesswali, se tiġi introdotta dalwaqt proċedura li biha jsiru t-testijiet għall-HIV b’mod rapidu

Id-Direttorat tas-Saħħa ta’ Malta se jkun qiegħed iniedi dalwaqt proċedura li biha jsiru t-testijiet għall-HIV malajr, sabiex jassikura li l-pazjenti jirċievu r-riżultati tagħhom f’inqas minn siegħa.

Dawn it-testijiet rapidi se jkunu possibli mingħajr il-bżonn li l-kampjun tad-demm tal-pazjent jintbgħat f’laboratorju, hekk kif dawn se jkunu jistgħu jibdew isiru fi klinika ta’ tabib jew f’ċentru tal-komunità mingħajr bżonn ta’ apparat ta’ laboratorju.

Il-kampjun mitlub mill-pazjent ikun normalment qatra demm minn tingiża f’sebgħu jew ftit saliva.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li dawn it-testijiet rapidi se jkunu disponibbli tul din is-sena, bil-vantaġġ ta’ aċċess aktar sempliċi għal kullħadd.

Dan qalu waqt laqgħa mal-ġurnalisti li saret wara konferenza ta’ tliet ijiem dwar l-HIV, organizzata taħt l-awspiċju tal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ewropa, flimkien maċ-Ċentru Ewropew tal-Kontroll tal-Mard (ECDC)

Fearne spjega li minkejja li saru avvanzi kbar fir-riċerka u t-trattament tal-HIV, l-isforzi biex din il-marda tinqered, speċjalment fl-Ewropa ma kienux ta’ suċċess, b’żieda ta’ każi ġodda fin-numru ta’ infezzjonijiet fost irġiel omosesswali.

Il-Ministru spjega li filwaqt li każi godda ta’ HIV fost koppji eterosesswali ilu stabbli għal xi żmien, f’dawn l-aħħar erba’ sa ħames snin ġiet osservata żieda ta’ każi ġodda ta’ HIV fost irġiel omosesswali.

Sabiex tiġi indirizzata l-epidemija fuq livell Ewropew. Fearne qal l-Ewropa stabilixxiet “miri ta’ 90-90-90” li għandhom jintlaħqu sal-2020 u li jinvolvu li 90% ta’ dawk li għandhom l-HIV jkunu jafu li huma infetti, li 90% ta’ dawk infetti jkunu qed jirċievu trattament u li 90% ta’ dawk li qed jirċievu t-trattament ma jibqgħux ixerrdu l-marda.

More in Politika