Il-Libjani huma l-akbar komunità ta' nies f'Malta minn barra l-Unjoni Ewropea. F'tabella mqiegħda fuq il-mejda tal-Parlament, deher kif 3,507 persuna ta' nazzjonalità Libjana kellha l-permess ta' residenza sabiex toqgħod Malta sal-aħħar tal-2015.
Fil-fatt, intwera kif minbarra l-Libjani, il-komunitajiet ta' Serbi u Filippini huma l-ikbar fil-pajjiż.
It-total ta' persuni li ngħataw permess ta' residenza f'pajjiżna u kellhom dan sa tmiem l-2015 kien ta' 19,317, li minnhom 4,377 kienu persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali.
L-akbar lokalità f'Malta li kellha persuni b'permessi ta' residenza minn barra l-UE kienet Tas-Sliema b'2,964 persuna, seqwita minn San Pawl il-Baħar b'2,429 persuna.
Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici għal domanda tad-Deputat Claudio Grech.