Investiment ta' €300 miljun fis-sit fejn kien hemm l-ITS

1,500 post tax-xogħol ġdid fl-ikbar investiment lokali minn investitur Malti

Dehra artistika tal-proġett fis-sit fejn kienet l-ITS f'San Ġiljan
Dehra artistika tal-proġett fis-sit fejn kienet l-ITS f'San Ġiljan

Il-gvern ħabbar kif fuq is-sit fejn kien hemm l-ITS f'San Ġiljan, se jkun qed jinbena proġett b'investiment ta' €300 miljun. Il-proġett se jkun qed jinkludi lukanda ta' lussu tad-ditta 'Hard Rock Hotel' li se jkollha mat-315-il kamra, flimkien ma' 35 suite ta' 6 stilel. Minbarra dawn, se jkun hemm ukoll żewġ torrijiet li jinkludu mal-209 post residenzjali, 5 sulari ta' uffiċini flimkien ma' stabbiliment kummerċjali u ta' divertiment.

Dan il-proġett, se jkun l-ikbar wieħed li qatt sar f'pajjiżna minn investitur lokali, waqt li se jkunu qed jinħolqu mal-1,500 post tax-xogħol ġdid.

Il-grupp DB Hotels, li tiegħu Silvio Debono huwa chairman se jkun qed iħallas mas-€60 miljun għall-art, anke jekk il-Prim Ministru qal li din hi stmata li tiswa €56 miljun. Debono sostna li dan huwa l-ikbar ammont li qatt tħallas għall-art f'pajjiżna.

Tkellem ukoll il-Ministru Konrad Mizzi fejn minbarra li spjega iktar dwar x'se jkun jinkludi fih dan il-proġett, qal ukoll kif dan il-proġett se joħloq ħafna impjiegi u "jagħmel ħafna ġid lill-pajjiż."

Fil-kummenti tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal kif il-valutazzjoni tal-art saret b'metodu li ma kienx jintuża qabel. "Għandna metodoloġija xjentifika u internazzjonali hekk kif in-naħa tal-Lands u tal-kumpanija Deloitte ħadmu sabiex ikun hemm ftehim fuq il-valutazzjoni." Muscat kompla jgħid li l-kuntratt huwa wieħed pubbliku u qiegħed għall-iskrutinju tal-pubbliku.  Il-Prim Ministru spjega wkoll kif il-pajjiż se jkun qed idaħħal mas-€60 miljun f'taxxi u VAT. Muscat kompla jgħid li jekk l-investitur jiżviluppa iktar mill-proġett propost, se jkollu iħallas aktar.

Il-Prim Ministru kompla jgħid li Malta m'għadhiex destinazzjoni tax-xemx u l-baħar biss, u għaldaqstant jeħtieġ li jitjieb il-livell tal-prodott lokali, mhux biss dak turistiku, imma anke dak tal-infrastruttura. Żied jgħid li t-turiżmu ta' kwalità joħloq effett ekonomiku enormi u faċilitajiet ta' kwalità ogħla jattiraw turisti li jħallsu aktar, u b'hekk, il-ħaddiema jkollhom pagi aħjar.

Min-naħa l-oħra is-sit tal-ITS il-ġdid fi Smart City se jkun atrezzat bl-aqwa faċilitajiet, flimkien ma' lukanda.

Kienet il-gazzetta ILLUM li iktar minn sena ilu, fil-ħarġa tal-25 ta' Ottubra tal-2015, żvelat, kif l-iżvilupp l-aktar preferut mill-Gvern ċentrali, kien se jsir minn lukandier ewlieni Malti li diġà għandu investiment ta’ akkomodazzjoni turistika madwar il-pajjiż. 

More in Politika