Il-fatt li matul dawn l-aħħar sentejn il-kumpanija ġarret aktar minn 83 miljun passiġġier, 40 miljun fl-2015 u 43 miljun is-sena li għaddiet, ifisser li l-kunfidenza fit-trasport pubbliku qed terġa’ tiżdied, is-servizz qed iħajjar aktar nies biex jużawh u l-impenn biex it-trasport pubbliku jkun alternattiva aħjar, qed iħalli l-frott.
Dan qalu l-Ministru Joe Mizzi, waqt li kompla biex irringrazzja lill-pubbliku talli qiegħed jifhem l-isfidi li għadda minnu s-servizz tat-trasport pubbliku f’dawn l-aħħar sentejn sakemm ġew implimentati għadd ta’ tibdiliet bl-iskop li jkollna servizz aħjar.
Huwa fakkar li matul dan il-perjodu, il-kumpanija għaddiet minn sfidi kbar imma rnexxielha xorta waħda tagħmel kisbiet kbar, fosthom li l-maġġoranza tal-vjaġġi llum qed jitilqu fil-ħin, l-ilmenti tal-pubbliku naqsu drastikament, li llum il-ġurnata n-network żied il-kilometraġġ biex jilħaq aktar nies, kif ukoll il-fatt li aktar minn 80% tal-passiġġiera llum jużaw tallinja card b’mod regolari.
Il-Ministru rringrazzja wkoll lid-diriġenti tal-kumpanija u ta’ Transport Malta, kif ukoll lill-ħaddiema li kienu strumentali biex seħħew dawn il-kisbiet. Huwa qal li l-Gvern se jkompli jkun viġilanti fuq il-kumpanija biex fiż-żmien li ġej ikomplu jaħdmu flimkien biex it-trasport pubbliku jkompli jtejjeb l-effiċjenza tiegħu u jattira lejh persuni li sal-lum għadhom ma jużawx is-servizz.