Fil-programm Xtra fuq TVM mmexxi minn Saviour Balzan ltaqgħu wiċċ imb'wiċċ iż-żewġ viċi tal-partiti rispettivi, jiġifieri l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami u d-deputat mexxej tal-PL Chris Cardona. Il-programm kien ibbażat fuq l-istorja li ħarġet il-blogger Daphne Caruana Galizia dwar allegazzjoni li Chris Cardona waqt xogħol ministerjali kien f'burdell fil-Ġermanja. Beppe Fenech Adami wara li ħarġet l-istorja mar quddiem il-midja f'konferenza stampa u qal li dan il-każ hu xokkanti.
Sadattant meta Chris Cardona ġie ffaċċjat mill-ġurnalist Saviour Balzan dan qal li hu se jressaq il-każ tiegħu l-qorti fejn se jagħmel dak li s-soltu suppost jagħmel dak li jakkuża, jiġifieri li juri d-dokumenti ta' dak li jkun allega. Iżda Chris Cardona qal li għandu xhiedha u dokumenti li juru li tant li mhux vera li hu qatt kien f'dan il-burdell li għandu provi lfejn kien f'dak il-ħin kollu li ġie allegat li kien f'burdell flimkien mal-konsulent tiegħu. L-avukat Gerada (il-konsulent) wkoll permezz ta' telefonata qal li din kienet gidba qarrieqa u anke hu għandu provi li qatt ma kien preżenti fil-burdell.
Min-naħa l-oħra Saviour Balzan staqsa lil Beppe jekk hu għandux dokumenti li juru li Cardona vera kien fil-burdell. Għax la għamel konferenza stampa dwarha jistenna li kellu xi provi ta' dan. Il-viċi Kap Nazzjonalista qal li hu m'għandux provi, "iżda jien nemmen lil Daphne fil-każ ta' Chris Cardona għax naf min hu Chris Cardona." Mistoqsi jekk allura jemminx lil Daphne Caruana Galizia f'dak li kitbet dwar Demarco, il-viċi Kap tal-PN qal li fil-każ ta' Demarco ma jemminhiex, "għax jien naf min hu Demarco bħalma naf min hu Chris Cardona. Għalhekk nagħżel li nemminha fil-każ ta' Cardona u ma nemminx lilu u ma nemminiex fil-każ ta' Demarco." Il-viċi Kap qal ukoll li hu kburi li jmur quddies kuljum.
Cardona tul il-programm beda jinstiga lil Beppe Fenech Adami jirrepeti fuq it-TV eżatt dak li allegat Daphne Caruana Galizia ħalli jkun jista' jillibellah fejn qal li l-attakk tagħha fuqu hu wieħed vindikattiv u mimli gideb kif se jiġi ppruvat fil-Qorti.