F’konferenza tal-aħbarjiet li saret waqt is-Summit Informali tal-Kunsill tal-Ewropa, fi tmiem id-diskussjonijiet dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk u l-President tal-Kummisjoni Ewropea Jean-Claude Juncker indirizzaw lill-ġurnalisti b’aġġornament fuq id-diskussjonijiet li saru dalgħodu fir-rigward tal-immigrazzjoni.
Muscat qal li l-pajjiżi kollha wrew determinazzjoni biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali fl-Ewropa u se jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-istati membri kollha sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni.
Donald Tusk tenna li waqt il-laqgħa, intlaħaq ftehim fuq mizuri biex jonqsu n-numri ta’ immigranti li jaqsmu lejn l-Ewropa u fl-istess ħin jissalvaw il-ħajjiet permezz ta’ nuqqas ta’ vjaġġi perikolużi fil-Mediterran. Tusk sostna li hemm bżonn li jitwaqqaf it-traffiku ta’ immigranti u li jrid ikun hemm ħidma id f’id mal-Gvern Libjan, flimkien mal UNHCR u l-ION b’għajnuna biex jieqaf it-traffiku uman. “Dan,” qal Tusk, “jinkiseb permezz ta’ taħriġ għall-gwardja kostali Libjana, għal kontroll fuq it-traffikanti, kif ukoll għajnuna biex ikun hemm aktar rimpatriazzjoni volontarja lejn il-Libja.”
Waqt il-konferenza ingħad ukoll li intlaħaq ftehim biex jingħataw aktar fondi mill-UE biex jiġu implementati dawn il-miżuri.
Minbarra l-kwistjoni tal-immigrazzjoni, Joseph Muscat qal ukoll li saru taħdidiet dwar żviluppi u attitudni addottati mill-amministrazzjoni Amerikana. “Minkejja dan,” qal Muscat, “ma kienx hemm sens anti-Amerikan, iżda qbil li l-UE ma tistax toqgħod siekta fejn ċerti prinċipji jkunu qed jintrifsu.”
Muscat qal li kien hemm ukoll qbil dwar l-effett tar-rwol li se jieħdu l-Istati Uniti, u kif dan se jaffetwa l-Ewropa. “Dan se jkun diskuss f’Ruma, hekk kif jiġi wkoll deċiż ir-rwol futur li trid tilgħab l-Unjoni Ewropea.”