Fi stqarrija tal-għaqda Ambjentalista 'Moviment Graffitti', il-moviment qed jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern li art pubblika, bħalissa użata mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), tiġi trasferita lil kumpanija privata.
Il-Moviment Graffitti jgħid: “Il-Gvern se jkun qed jagħmel telf ta’ mill-inqas €14-il miljun b’dan il-ftehim. Dan għaliex l-ITS se jkollha tiġi rilokata għal SmartCity b’nefqa ta’ €74 miljun. L-art pubblika f’San Ġiljan se tiġi trasferita għal €60 miljun biss, minkejja li fl-abbozz tal-Paceville Masterplan kienet ivvalutata madwar €212 miljun."
Skont Moviment Graffitti, dan huwa ironiku minħabba l-fatt li l-Gvern se jkun qed iħallas kumpanija privata oħra, SmartCirty Malta, għar-rilokazzjoni tal-ITS fuq art li qabel kienet pubblika u issa qiegħda mikrija lill-privat bi ftit flus. Huma jsostnu li "l-ftehim mas-Seabank se jkun ta’ benifiċċju biss għal ftit interessi kummerċjali, u għad-detriment tal-bqija".
"Dan huwa l-kontinwazzjoni tal-politika mħaddna taħt amministrazzjonijiet differenti li biha l-art tittieħed mill-pubbliku u titqassam lill-interessi privati," jsostni l-Moviment Graffitti li żied jelenka lista twila ta’ art li ingħatat lill-privat, fosthom Tigne Point, Manoel Island, Portomaso, SmartCity, Żonqor, Dock 1, u ħafna oħrajn.
Il-Moviment Graffitti jgħid: “It-trasferiment tal-art lis-Seabank joħloq ukoll tħassib fuq livell ambjentali. Dan se jkun żvilupp enormi f’żona mimlija konġestjoni u se jkun qed isir mingħajr pjan olistiku ta’ żvilupp, b’impatt negattiv fuq il-komunitajiet tal-madwar u l-kosta.”