L-2016 kienet sena rekord għall-operazzjonijiet f’pajjiżna. Fil-fatt matul l-2016 saru total ta’ 64,000 operazzjoni fl-entitajiet kollha.
Fl-Isptar Mater Dei saru total ta’ 55,511 operazzjoni, biex b’kollox kien hemm żieda ta’ madwar 4,000 operazzjoni fuq is-sena 2015 li ukoll kienet sena rekord.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa grazzi għaż-żieda fl-operazzjonijiet li llum il-ġurnata għandna inqas nies jistennew biex issirilhom operazzjoni. “Il-miżuri konkreti li ħadna fl-aħħar snin u xhur qed iħallu l-frott mixtieq,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru spjega li permezz tas-Sunday Initiative, fejn teatri tal-operazzjonijiet jintużaw anke l-Ħadd, is-sena l-oħra saru madwar 1,700 operazzjoni. Filwaqt li saru 431 operazzjoni fi sptarijiet privati mħallsa mill-Gvern.
“Nirringrazzja lill-ħaddiema fit-teatri tal-operazzjonijiet u fis-swali kollha fl-isptarijiet għall-ħidma u dedikazzjoni tagħhom,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt żjara li għamel fit-teatri tal-Isptar Mater Dei.