Ħasra tassew
'Huwa evidenti li l-Prim Ministru tilef l-awtorità morali fuq il-gvern tiegħu u kollox sar qisu xejn mhu xejn...' - Joe Ellis
minn Joe Ellis
Ftit aktar minn sentejn ilu, kont ktibt dawn il-kliem: “Il-Gvern għandu maġġoranza bla preċedent imma jinsab fi kriżi ta’ awtorità morali li ftit rajna bħalha, u li ċertament ftit stennew li sejra tiżviluppa f’punt daqshekk kmieni tal-leġislatura. Il-kwistjoni morali teħtieġ li tiġi indirizzata bl-aktar mod skjett u mingħajr biża’ li wieħed jammetti n-nuqqasijiet li twettqu. Dan jitlob l-akbar għaqal u umiltà imma fin-nuqqas, il-Gvern se jsib ruħu imbroljat nieżel bil-mod il-mod f’garigor li dejjem isir aktar dejjaq sakemm jasal f’kantina mudlama mingħajr ħruġ ta’ xejn. Il-pajjiż jeħtieġ gvern li kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet li jeħtieġ il-pajjiż u mhux gvern li qed jegħreq fit-tajn tal-kwistjoni morali li jirnexxilu jżomm rasu ’l fuq biss billi jiggranfa mal-qasab tad-dawrien.” (“L-Iħirsa ta’ Nixon u Profumo” - 11 ta’ Diċembru 2014).
Dan il-kliem kien qabel il-każ tal-Panama. Meta faqqa’ il-każ ta’ Panama, fuq ‘Reporter’, kont tajt lill-Prim Ministru l-benefiċċju tad-dubju imma stqarrejt li jekk jonqos li jaġixxi enerġetikament, kien se jitlef l-awtorità morali tant meħtieġa sabiex iżomm id-dixxiplina u l-ordni fil-gvern tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, il-miżuri, jekk tista’ ssejħilhom hekk, li ħa l-Prim Ministru fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi kienu kosmetiċi għal aħħar. A slap on the wrist jgħidu bl-ingliż. Imbagħad fil-konfront taċ-chief of staff, Keith Schembri, mhux talli ma ttieħdet l-ebda miżura talli beda jiġi promoss bħala l-katalist f’affarijiet li ċertament ma kellux iservi t’hekk.
Eżempju partikolari kien meta Keith Schembri kien rikonoxxut bħala l-mutur wara l-konklużjoni tal-ftehim ma’ Crane Currency. Il-fatt li s-Sur Schembri kellu kunflitt t’interess enormi f’dan il-ftehim, ma jidhirx li nkwieta f’xi ħin lill-gvern. Kieku kienet tirrenja s-sens ta’ diċenza, kieku s-Sur Schembri kien joqgħod eluf ta’ mili ’l bogħod mill-ftehim ma’ Crane Currency. Imma mhux talli ma ġarax hekk u n-negozjati tħallew f’idejn Malta Enterprise, talli s-Sur Schembri ġie mfaħħar mill-Prim Ministru talli ġab dan l-investiment f’Malta. Mhux ta’ b’xejn li l-kap ta’ Crane Currency stqarr li qatt ma kellu negozjati li mxew daqshekk ħarir jekk wieħed iċedi għal kull talba li ssirlu, m’hemmx dubju li kollox ser jimxi ħarir.
Ħadd mhu perfett u kulħadd hu suġġett li jiżbalja u jaqa’ għat-tentazzjoni, imma dan il-gvern ippermetta l-ħolqien ta’ kultura ta’ ħmieġ, sleaze, bla preċedent fl-istorja ta’ Malta
Anke meta l-azzjonist prinċipali tal-Banif Bank inbidel, is-Sur Schembri ġie osannat bħala l-persuna li kienet kruċjali biex sar dan it-trasferiment. Donnu f’Malta, xejn ta’ ċerta portata ma jseħħ mingħajr l-intervent providenzjali tas-Sur Schembri li fil-proċess, qed jiġi skonġurat mid-dnub li fetaħ trust fin-New Zealand u kumpanija l-Panama ħamest ijiem wara l-bidla fil-gvern. U li minħabba l-intriċċi tiegħu ma’ Adrian Hill, id-direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers spiċċa mkeċċi.
Huwa evidenti li l-Prim Ministru tilef l-awtorità morali fuq il-gvern tiegħu u kollox sar qisu xejn mhu xejn. Jitqabbdu konsulenti sabiex jagħmlu l-masterplan ta’ Paceville wara li qabel kienu tqabdu sabiex jagħmlu rapport fuq l-istrateġija tat-toroq (għaliex it-toroq u Paceville huma tassew l-istess ħaġa). Dawn il-konsulenti jinfurmaw lill-Awtorità tal-Ippjanar li kienu diġà mqabbda jagħmlu rapporti lil żviluppaturi privati, imma l-Awtorità ma rat l-ebda kunflitt t’interess u ħalliethom jagħmlu tgħaffiġa li swiet lill-poplu Malti €300,000. Għax il-flus saru bħaċ-ċiċri u xejn mhu xejn.
Imbagħad kellek il-famuż każ ta’ Edward Caruana li minn galoppin tal-ministru Evarist Bartolo spiċċa kap ta’ taqsima tal-Fondazzjoni tal-Iskejjel t’Għada. Ħadd ma jaf kif eżattament inħatar f’din il-kariga minkejja li wieħed kien jimmaġina li l-aktar ħaġa ħafifa kellha tkun li wieħed jindika xi sejħa pubblika li saret. Irriżulta li l-kap eżekuttiv ta’ din il-Fondazzjoni kellem diversi drabi lill-ministru Evarist Bartolo dwar abbużi li dan Edward Caruana kien allegatament qed iwettaq. Imma l-ministru, flok ma nkoraġġieh jieħu azzjoni deċiżiva ħalli jaqta’ tali abbużi, qallu biex jistenna sakemm ikollu provi ċari mija fil-mija f’idejh.
Irriżulta wkoll li l-istess Ministru Bartolo ordna lill-bord tal-Fondazzjoni li jħallas lill-kuntrattur €418,000 li l-Fondazzjoni ma riedetx tħallas għaliex skont hi, ma kinux dovuti. Wieħed irid isaqsi għala l-ministru dehrlu li għandu jinvolvi ruħu fi kwistjoni daqshekk delikata meta għandu bord ta’ Fondazzjoni li hija responsabbli għal tali xogħolijiet u ħlasijiet. Imma minkejja r-reżistenzi kollha tal-bord, il-Ministru permezz tas-segretarju permanenti tiegħu, Joseph Caruana u ħuħ, is-Sur Edward Caruana fl-aħħar ġiegħlu lill-bord japprova l-ħlas ta’ €418,000. Għax dawn ukoll huma żerriegħa tal-ħarrub. Ministru responsabbli kien iħalli l-kwistjoni tiġi riżolta b’arbitraġġ jew fil-Qorti u mhux, jintervjeni daqshekk bil-goff fiha.
Kellek ukoll l-inċident kurjuż fejn xi kuntrattur ilmenta mal-ministru Bartolo dwar l-aġir tas-Sur Edward Caruana u l-ministru għamillu appuntament mas-segretarju permanenti, is-Sur Joseph Caruana. Meta l-kuntrattur mar għal-laqgħa, sab ukoll preżenti lil ħuh, is-Sur Edward Caruana. Mhux talli ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tal-aħwa Caruana, talli s-Sur Edward Caruana ddeċieda li jissospendi ruħu u żamm il-paga sħiħa tiegħu li titla’ għal aktar minn €50,000 fis-sena. Għax dawn ukoll żerriegħa tal-ħarrub. Intqal li kien hemm preċedent għal din l-awtosospensjoni taħt l-amministrazzjoni preċedenti u li din kienet imbierka mill-Avukat Ġenerali. Jekk dan hu minnu, kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll min qed jippermetti din l-awtosospensjoni għandu jagħmel tajjeb hu personalment għal dan it-tberbiq ta’ flus il-poplu.
Huwa tassew diżappuntanti li dan kollu qed jiġri bil-barka ta’ ministru li kien mill-aktar kritiku tal-komportament ta’ Konrad Mizzi meta fetaħ il-kumpanija l-Panama u li qatt qabel ma ġie assoċjat ma’ komportament skorrett. Imma ovvjament anke fir-rigward tal-ministru Bartolo, il-Prim Ministru ma ħa l-ebda passi għax spiċċatlu l-awtorità morali kollha li jagħmel hekk.
U kull ġimgħa, jekk mhux kuljum, jitfaċċaw episodji ġodda li juru l-fondoq li qed jegħreq fih dan il-gvern. Il-Kap Eżekuttiv ta’ entità statali, l-AWAS, ċertu Joe Baldacchino, inqabad jikkonkoffa ma’ uffiċjal fil-Ministeru tal-Intern sabiex jiġi impjegat bin dan l-uffiċjal mal-gvern. Wieħed kien jistenna miżuri drastiċi fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ individwi, imma kull ma ġara kien li s-Sur Baldacchino ngħata “twissija severa.” Ħadd ma jaf eżatt xi tfisser din it-twissija severa imma s-Sur Baldacchino żamm postu minkejja l-komportament tiegħu mentri tizju li jisraq mobili ta’ ftit soldi jispiċċa x-xhur, jekk mhux is-snin il-ħabs. U jekk tizju jinzerta ġej minn xi pajjiż Afrikan, jista’ anke jlaqqat xi ħasla papali mit-tribuna.
Imbagħad din il-ġimgħa kellna l-każ ta’ Jimmy Magro, l-eks segretarju tal-Partit Laburista li anke hu ried li jieħu sehemu mis-suċċess ekonomiku ta’ dan il-Gvern. Hu nsista ma’ wieħed li tefa’ offerta għal magna tal-kompost, ċertu Victor Bonello li għandu jagħtih €25,000 jew għaxra fil-mija tal-prezz tal-magna sabiex jieħu l-offerta. Is-Sur Magro qal lil din il-persuna li kellu bżonn il-flus għaliex mar vaganza l-Alsace u kellu jagħti lil tat-taxxa. Is-Sur Bonello qajjem l-irwiefen kollha meta ma ħax l-offerta. Meta mar ħdejn il-kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, dan qallu biex jistenna sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni li kienet qiegħda twettaq l-Internal Audit and Investigations Department. Dan id-Dipartiment, min-naħa tiegħu, ta parir lis-Sur Bonello li jmur bil-każ tiegħu quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni li kkonkludiet li “ma jirriżultawx li li għaddew xi flus lis-Sur Jimmy Magro. Biss il-Kummissjoni hija moralment konvinta li s-Sur Jimmy Magro talab il-flus meta tender kien għadu qed jiġi ġġudikat.”
Wieħed irid isaqsi għala għadhom ma ttieħdux passi kriminali minkejja illi l-I.A.I.D. kkonkluda li kien hemm nuqqasijiet li possibilment huma ta’ natura kriminali, informa lill-Avukat Ġenerali li min-naħa tiegħu għaddihom lill-pulizija. Kien korrett is-Sur Cutajar li ma ħa l-ebda azzjoni minkejja li l-I.A.I.D. wasal għall-konklużjonijiet tiegħu? Intant, is-Sur Magro żamm il-posizzjoni tiegħu bħala direttur, Life Sciences Park mal-Malta Enterprise u mal-Kummissjoni stqarr illi ma kellux bżonn flus għax kellu dħul ta’ €100,000 fis-sena. Imma kif igħidu t-Taljani, “l’appetito vien mangiando”!
Ħasra li minkejja li għadda 25 sena fl-opposizzjoni, il-Partit Laburista ma rnexxielux jippreżenta alternattiva diċenti għall-Partit Nazzjonalista
Ħadd mhu perfett u kulħadd hu suġġett illi jiżbalja u jaqa’ għat-tentazzjoni. Imma dan il-gvern ippermetta l-ħolqien ta’ kultura ta’ ħmieġ, sleaze, bla preċedent fl-istorja ta’ Malta. U l-fatt li qed ikun daqshekk kajman biex jindirizza l-inċidenti ta’ korruzzjoni illi qed jinkixfu regolarment juri kemm tilef il-boxxla morali u mhuwiex il-gvern illi teħtieġ Malta. Qed nikteb dan id-diskors mhux għax jien kandidat Nazzjonalista fl-elezzjoni li ġejja: propju ftit ġimgħat ilu kelli diskursata twila ma’ Laburist akkanit li stqarr id-diżappunt kbir tiegħu li l-gvern ta’ Muscat qed jaġixxi b’dan il-mod. Minkejja li huwa fil-preżent konsulent ma’ ministru ferm importanti, stqarr miegħi illi jekk issir elezzjoni għada, ma jafx jivvutax. U dawn il-Laburisti disillużi qed dejjem jirriżultaw fl-istħarriġ tal-opinjoni kollha.
Ħasra li minkejja li għadda ħamsa u għoxrin sena fl-opposizzjoni, il-Partit Laburista ma rnexxielux jippreżenta alternattiva diċenti għall-Partit Nazzjonalista. Tassew din hija l-akbar problema ta’ dan il-pajjiż, illi meta l-PN ma jkunx fil-gvern, il-pajjiż jispiċċa maqbud fit-taħwid, f’korruzzjoni rampanti u b’nuqqas ta’ investiment pubbliku u nuqqas ta’ viżjoni lil hinn mill-bieraħ, illum u għada. Ħasra tassew. Meta ser naraw Partit Laburista li jmexxi bis-serjetà u bl-onestà? Pajjiża għandu bżonn illi jkollna alternanza tal-poter bejn partiti diċenti minkejja d-differenzi ta’ bejniethom. Sfortunatament, dan ma seħħx fl-2013.