L-ILLUM tinsab infurmata illi Salvu Mallia, il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, se jkun imħarrek mill-Pulizija wara battibekk li kellu quddiem fergħa ta’ bank lokali f’Buġibba. Jidher illi dan il-battibekk qam hekk kif Mallia ppretenda illi jdaħħal il-kelb Kekkettoni miegħu fil-bank. L-inċident kien jinvolvi membru tal-korp tal-Pulizija u l-Maniġer tal-istess fergħa.
Meta kkuntattjat mill-ILLUM, Mallia, filwaqt li kkonferma li seħħ l-inċident u ta rendikont tiegħu, qal ukoll li hu rrifjuta li jitlob skuża talli qal lill-Pulizija biex ‘jagħmel li l-q*ħba jrid’. Hu spjega wkoll lil din il-gazzetta illi meta l-battibekk ittella’ fuq il-blogg ta’ Glenn Bedingfield hu mar l-għassa ‘u għamilt rapport biex nara kif dokumenti dwar dak li ġara lili fl-għassa spiċċaw għand Bedingfield. Dan huwa ksur tad-drittijiet tiegħi.’
Salvu: ‘Għandi dritt nikkontesta deċiżjoni tal-Pulizija’
Mallia spjega illi dakinhar hu kien mar f’bank f’Buġibba biex jiġbed il-flus u l-ATM partikolari kienet bil-ħsara. ‘Allura kelli nidħol il-bank. Issa barra l-bank, m’hemm xejn li jindika illi klieb ma jistgħux jidħlu, imma l-uffiċjal li kien hemm fil-bieb saħaq illi jew ma stajtx nidħol bil-kelb jew ridt inġorru.’
Agħmel lil q*ħba trid!
Salvu lill-membru tal-Pulizija
Mallia sostna li hu ma qabel xejn ma’ din id-deċiżjoni, ‘anke għax f’fergħat oħrajn tal-istess bank iħalluni nidħol bil-kelb. Allura jien bqajt dieħel u kien f’dan il-mument,’ kompla jgħid Mallia, ‘li l-Pulizija ġebbidni minn dirgħajja u imbuttani wkoll.’
Il-Kandidat tal-PN spjega kif kien f’dan il-mument li l-Pulizija wissieh li se jkun qed iħarrku b’Mallia jwieġbu ‘għamel li l-q*ħba trid.’ Fl-għassa tal-Pulizija, ftit tal-mumenti wara Mallia intalab jiskuża ruħu, żżda ma’ din il-gazzetta saħaq li hu m’aċċettax. ‘Veru li dan kien Pulizija u jien għandi rispett lejn il-Pulizija imma naħseb li ċittadin privat għandu dritt jikkontesta deċiżjoni, anke tal-Pulizija, mhux hekk? Jien ma qbiltx u m’apoloġizzajtx.’
Intant mal-ILLUM Mallia sostna illi wara li l-istorja spiċċat fuq il-blogg ta’ Glenn Bedingfield, hu mar l-għassa u fetaħ rapport. ‘Id-dokumenti u dak li seħħ fl-għassa kienu affarijiet privati, ma nafx kif spiċċaw għand Glen Bedingfield. Għalhekk ftaħt rapport,’ temm jgħid Mallia.