‘Sirna qisna fabbrika fl-Isptar...kulħadd gass mal-pjanċa’

Infermiera fit-teatri tal-operazzjonijiet qed jaħdmu sa 60 siegħa fil-ġimgħa biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ ħaddiema

L-infermieri li jaħdmu fit-teatri tal-Isptar Mater Dei, jinsabu magħsurin waħda sew bix-xogħol. L-ILLUM waslulha diversi lmenti illi s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħaddiema fit-teatri tal-operazzjoni qed twassal biex ħafna infermieri jkunu ‘mġiegħlin’ jaħdmu sa 60 siegħa fil-ġimgħa, minflok il-medja ta’ 46 siegħa. Dan apparti illi l-ILLUM tinsab infurmata wkoll illi numru ta’ ħaddiema qed ikollhom jitilfu l-breaks minħabba nuqqas ta’ infermieri fit-teatri.

F’kummenti ma’ din il-gazzetta s-Segretarju Ġenerali tal-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) Colin Galea, ikkonferma dawn l-ilmenti u qal illi bħalissa fl-Isptar, imma speċjalment fit-teatri tal-operazzjonijiet, ‘kulħadd għaddej gass mal-pjanċa biex imbagħad ngħidu li naqqasna l-lista ta’ stennija. Ifhem tajjeb li nnaqqsuha din il-lista, imma qed ikollna numru ta’ nies li qed jispiċċaw jgħejjew u jieħdu leave tal-mard. Sirna qisna fabbrika fl-Isptar,’ ilmenta Galea.

Galea kkonferma li numru ta’ infermieri qed ikollhom jaħdmu madwar 55 siegħa u 60 siegħa, jew mal-14-il siegħa aktar fil-ġimgħa biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ impjegati. ‘Xi kultant qed ikunu sfurzati jagħmlu l-overtime għax jekk ma jagħmluhx il-kollegi tagħhom fl-istess teatri jkollhom jitilfu l-leave li jkollhom ippjanat. Allura qed jiġu f’sitwazzjoni fejn ma tantx għandhom għażla ħlief li jidħlu jaħdmu fil-ġranet li fihom suppost ikunu ‘off’.’

Galea kompla jgħid lil din il-gazzetta illi minħabba in-nuqqas ta’ infermieri, anke l-breaks qed ikunu diffiċli biex jieħdu l-ħaddiema. ‘Int qatt smajt nies li jieħdu break xħin jidħlu x-xogħol? Fil-fatt hekk qed jagħmlu l-infermieri li jaħdmu fit-teatri bħalissa. Jieħdu l-break xħin jidħlu x-xogħol, fis-sebgħa u nofs, it-tmienja ta’ filgħodu għax malli jaslu kirurgi ma jkunux jistgħu jieħdu waqfa mix-xogħol.’

F’Mater Dei għandna 350 infermier nieqes...

L-aħħar statistika żvelata fil-Parlament mill-Prim Minustru Joseph Muscat, f’Jannar, turi li fl-2015 biss kien hemm 287 persuna, illi sabu impjieg fil-qasam tas-saħħa. Dan in-numru, primarjament, jinqasam f'żewġ gruppi. Fl-2015 kien hemm b'kollox 159 infermier impjegat fl-Isptarijiet u ċentri tas-saħħa tal-Gvern, filwaqt li ġew impjegati 128 professjonist fil-qasam tas-saħħa. 

Allura fejn hi l-problema? Tistaqsi din il-gazzetta lil Galea. Hu dlonk ifakkar illi fl-isptar biss għad hemm mat-350 infermier inqas milli suppost biex l-isptar ikun  jista’ jopera kif suppost. Hu sostna wkoll li dawn in-nuqqasijiet jeżistu wkoll fl-Isptar San Vinċenz De Paule, fejn hemm bżonn ta’ 80 infermier ieħor u anke fl-Isptar Monte Carmeli fejn m’hemmx biżżejjed ħaddiema biex jħaddmu l-kunċett ta’ ‘constant watch’ fuq il-pazjenti.

Galea sostna li saru diskusjonijiet mal-Minsteru tas-Saħħa u fil-ġranet li ġejjin l-MUMN mistennija tikteb lit-tmexxija tal-Isptar dwar is-sitwazzjoni tal-infermiera fit-teatri tal-operazzjoni.

 

 

More in Politika