'Azzjoni ċara favur il-libertà tal-espressjoni'... mingħand il-PN

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta abbozz ta’ liġi 'biex ma jerġax ikun hemm politiċi li jiprovaw jgħalqu ħalq il-ġurnalisti'

David Agius, Jason Azzopardi and Clyde Puli
David Agius, Jason Azzopardi and Clyde Puli

Aktar kmieni llum, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex jassigura li dak li għamel id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona l-ġimgħa li għaddiet, ma jerġax iseħħ, jiġifieri li politiku jagħmel mandat ta’ sekwestru kawtelatorju biex jiġu friżati l-kontijiet bankarji ta’ ġurnalist jew ġurnalista.

"Dan hu pass importanti li qed isir mill-Partit Nazzjonalista biex jassigura l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna - xi ħaġa li tinsab mhedda mill-Gvern ta’ Joseph Muscat," intqal fil-konferenza tal-aħbarijiet msejjħa mill-PN

Il-Private Member’s Bill ġie ppreżentat mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, d-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Jason Azzopardi flimkien mal-Kelliem għax-Xandir, il-Komunikazzjoni u d-Djalogu Soċjali Clyde Puli. Għall-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi attenda wkoll il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara l-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi, Jason Azzopardi qal li "dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet mid-Deputy Leader tal-Partit Laburista hu bla preċedent, u wassal għal rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi li qed iħossu mhedded mill-libertà li tant ħadmu għaliha missirijietna". Hu sostna li kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta abbozz ta’ liġi biex ma jerġax ikun hemm politiċi li jiprovaw jgħalqu ħalq il-ġurnalisti.

Azzopardi qal li "hu ċar li Chris Cardona wasal jieħu dan il-pass estrem għaliex hu bniedem li tassew jemmen fil-politika tal-mannara: jew tgħid dak li rridek tgħid jien, jew tagħmel dak li rridek tagħmel jien, inkella npattihilek u ngħaddik minn martirju". Din mhix il-politika li jemmen fiha l-Partit Nazzjonalista, qal Jason Azzopardi, li sostna li l-aktar element bażiku f’demokrazija hu l-libertà tal-espressjoni. Jason Azzopardi qal ukoll li lanqas fl-agħar żminijiet tas-snin tmenin, fil-klima politika ta’ dak iż-żmien, ma kien hemm Ministru jew politiku ieħor li ħolom li joħroġ mandat ta’ sekwestru kawtelatorju f’kawża ta’ libell.

Clyde Puli sostna li l-Gvern ta’ Joseph Muscat inqabad f’gidba oħra, għaliex filwaqt li ilu erba’ snin jgħid li se jneħħi l-libell kriminali, issa, mhux talli ma neħħiex il-libell kriminali, iżda talli għamel xi ħaġa bla preċedent: mandat ta’ sekwestru kawtelatorju kontra ġurnalista saħansitra qabel beda jinstema’ l-libell. Puli sostna li dak li ġara l-ġimgħa li għaddiet hu konferma kemm dan il-Gvern, fl-ogħla livelli tiegħu, ma jemminx fil-libertà tal-espressjoni, iżda jrid joħnoqha totalment. "Dan jidher biss mhux biss fil-mandat ta’ sekwestru kawtelatorju, li hu l-agħar ħaġa li qatt saret, iżda anke b’attakki diretti mill-ogħla uffiċjali f’Kastilja kontra ġurnalisti u ġurnali f’pajjiżna," qal Puli.

Clyde Puli sellem il-ġurnalisti kollha f’pajjiżna li jagħmlu xogħol siewi u li jżommu lill-Gvern tal-ġurnata in check. “Allaħares naslu f’sitwazzjoni - kif qed jiprova jagħmel dan il-Gvern - li flok insaħħu l-poteri tal-ġurnalisti, naraw kif inbeżżgħuhom li jekk jiktbu xi ħaġa kontra politiku, dan jaqbad u jiddeċiedi li jitlob lill-Qorti biex tiffriżalhom flus mill-kont bankarju,” qal Clyde Puli. Hu sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen bil-kontra; li l-ġurnalisti huma n-nies li jsaħħu d-demokrazija u mhux idgħajfuha. Hu fakkar li Gvern ġdid Nazzjonalista diġà impenja ruħu fid-dokument ‘Nibnu Fiduċja Ġdida fil-Politika’ li jneħħi l-libell kriminali.

Minn naħa tiegħu, David Agius temm jgħid li dan hu pass ieħor mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’din il-leġiżlatura li ppreżentat għexieren ta’ abbozzi ta’ liġijiet bil-għan li, anke mill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista jkun effettiv b’mod dirett fil-ħajja tan-nies. Hu sostna li wara li tressaq dan l-abbozz ta’ liġi, l-Gvern għandu, b’mod immedjat, itella’ dan l-abbozz għad-diskussjoni biex mill-aktar fis possibbli, jsir liġi.

David Agius fakkar li dan hu wieħed biss mit-tliet impenji li għamel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ: bit-tnejn l-oħra jkunu li jiddefendi lil kull min qed issir vendikazzjoni miegħu, kif ukoll dimostrazzjoni nazzjonali għad-demokrazija u l-libertà nhar il-Ħadd li ġej waranofsinhar fil-Belt Valletta.

More in Politika