L-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta (MAM) aktar kmieni dalgħodu ddikjarat li se timplementaazzjoni industrijali li se teffetwa s-setturi mediċi kollha mix-xahar li ġej, jekk ma jissolvewx numru ta' kwistjonijiet.
Wara laqgħa li kellha l-MAM mal-Ministeru tas-Saħħa u ma dak tal-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-assoċjazzjoni iddikjarat li se ssejjaħ azzjonijiet industijali, li se jeffetwaw is-setturi kollha tal-professjoni medika. Jekk numru ta' kwistjonijietma jissolvewx, l-azzjonijiet se jibdew mill-14 ta' Marzu .
Waħda mill-kwistjonijiet li l-MAM semmew fl-istqarrija tagħhom, kienet in-nuqqas ta' ftuħ mill-ġdid tad-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni dwar il-ftehim kollettiv, li skada f'Diċembru tas-sena li għaddiet.
L-MAM sostniet li "dan il-fatt għandu implikazzjonijiet serji fuq l-għotja tal-aħjar servizz lill-pazjenti fid-dawl taż-żieda fit-talbiet fuq is-servizzi tas-saħħa."
L-assoċjazzjoni fakkret ukoll dwar it-twissija li kienet diġà għamlet li mhux se tiffirma ebda ftehim mal-Gvern dwar il-privatizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa qabel itemmu l-investigazzjonijiet kollha tal-uffiċċju tal-awditur u jiġi ppublikat il-kuntratt sħiħ, hekk kif żieded tgħid li s'issa "il-Gvern għadu għaddej bil-proċess tal-privatizzazzjoni minkejja li jaf b'din id-deċiżjoni."
L-MAM ilmentat ukoll li speċjalisti f'Għawdex mhux qed ikunu impjegati skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-ftehim kollettiv.
"Il-kwalifiki meħtieġa għall-gradi ta' speċjalisti, il-kontrolli u l-proċess ta' rekrutaġġ minn esperti indipendenti mqabbda u mill-Kummisjoni għas-Servizzi Publiċi, skont il-proċedura tas-servizz publiku, mhux qegħdin jiġu osservati," sostniet l-MAM, li żiedet tgħid li n-nuqqas ta' proċess stabbilit jista' anke jikkomprometti s-sigurtà tal-pazjenti u l-kwalità tas-servizz ta' kura.