Kannabis - naturali, mediċinali jew illegali...
L-ILLUM għamlet riċerka dwar ir-raġunijiet li jingħataw dwar il-benefiċċji mediċi tal-kannabis u dwar it-teoriji ta’ kospirazzjoni dwar l-involviment mill-kumpaniji farmaċewtiċi sabiex il-kannabis tibqa’ illegali.
minn Ruben Anthony Xuereb
Bħal f’ħafna affarijiet oħra, Malta qed tkun fost l-aktar pajjiżi progressivi fl-Ewropa fl-għotja ta’ ċerti drittijiet ċivili, hekk kif aktar tard din is-sena se tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li fihom se tiġi introdotta sistema ta’ użu kkontrollat ta’ mediċina derivata mill-kannabis.
L-ILLUM għamlet riċerka dwar ir-raġunijiet li jingħataw għalfejn il-kannabis għandha benefiċċji mediċi u dwar it-teoriji ta’ kospirazzjoni dwar l-involviment mill-kumpaniji farmaċewtiċi sabiex il-kannabis tibqa’ illegali.
L-ewwel ħaġa, tajjeb li jiġi ċċarat mill-bidu li għal dawk kollha li jaħsbu li l-benefiċċji tal-kannabis għall-użu mediċinali tfisser li huwa tajjeb li jitpejjep ‘joint’, sejrin żball. Huwa xjentifikament pruvat li filwaqt li derivattivi tal-kannabis għandhom benefiċċji mediċinali biex jittaffa l-uġigħ u l-effetti ta’ ħafna mard kiefer, il-kannabis fiha 400 kimika fiha, li minnhom 80 biss fihom l-element msejjaħ cannabidoil u li minn dawn it-80, s’issa 3 biss ġew ippruvati li għandhom effetti terapewtiċi. Min jargumenta li serħan minn ċerti mard jissolva b’ ‘joint’ għandu biss persentaġġ żgħir ta’ raġun, u għaldaqstant bħal f’kollox, hemm bżonn jintlaħaq kompromess li jiddetermina l-legalità ta’ tip partikolari ta’ kannabis mediċinali.
Malta se jkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li jintroduċi sistema kkontrollata ta’ użu ta’ kannabis mediċinali
Għall-bidu tad-dibattitu dwar il-kannabis mediċinali, tajjeb li nibdew minn pajjiżna stess, li aktar tard din is-sena se jkun fost l-ewwel fl-Ewropa li fejn se tiġi introdotta sistema ta’ użu kkontrollat ta’ mediċina derivata mill-kannabis.
L-ILLUM tkellmet mal-whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, it-tabib Godfrey Farrugia, li lura fl-2014 meta kien Ministru tas-Saħħa, kien propona ‘white paper’ biex jiġi legalizzat l-użu temporanju ta’ kannabis, mhux impejpa, iżda għall-użu strettament mediċinali. Fl-istess ‘white paper’ kien ġie wkoll propost li jitnaqqsu l-pieni għal min jinqabad jieħu l-kannabis, iżda jiżdiedu għal min jinqabad imexxiha.
Farrugia spjega li filwaqt li s’issa il-preskrizzjoni ta’ kannabis sintetika għadha mhux approvata, mill-2016 daħlet proviżjoni li permezz tagħha, estratt mill-pjanta tal-kannabis, normalment f’forma ta’ żejt, jista’ jiġi preskritt lill-pazjenti partikolari fuq rakkomandazzjoni ta’ żewġ konsulenti mediċi, li f’ħafna każi jkunu speċjalisti bħal Onkoloġi jew Newroloġi. “B’din ir-rakkomandazzjoni,” spjega Farrugia, “il-bord tad-dipartiment tas-saħħa jista’, skont il-każ, japprova x-xiri mill-pazjent ta’ mediċina derivata mill-kannabis, li tinxtara minn spiżeriji awtorizzati li jimpurtawha, jew jordnaha minn barra huwa stess”.
Il-pass li jmiss...
Il-pass li jmiss, qal Farrugia se tkun proviżjoni biex il-pazjent ma jkollux bżonn jimporta mediċina minn barra hu stess, bir-riskju li forsi ma jagħżilx l-aħjar tip fuq is-suq. Dan se jkun possibbli wara li l-Gvern jirrikonixxi kumpanija partikolari li tipproduċi l-aħjar tip ta’ mediċina magħmula mill-estratt tal-kannabis u din tiġi impurtata Malta u disponibbli għal min tiġih preskritta, bl-istess mod kif fil-ġurnata tal-lum per eżempju, pazjenti jistgħu jixtru pilloli anti-dipressivi minn spiżeriji b’riċetta tat-tabib tagħhom,
Dwar it-tip ta’ mediċina disponibbli, Farrugia enfasizza li l-estratt tal-kannabis f’forma ta’ mediċina ma joffrix kura għal ebda marda u kundizzjoni, iżda l-element dożat ta’ cannabidoil iservi biex itaffi l-uġigħ u t-tbatija ta’ min ikollu ċerti tipi ta’ kanċer, parkinsons, glaucoma u sklerosi multipla fost mard ieħor. Farrugia jemmen li dawn il-pazjenti għandhom id-dritt għal aċċess għal din il-forma ta’ ‘painkiller’ għal “ħajja aktar komda u dinjituża tal-pazjent”.
Hawn min isostni li l-kannabis tagħmel il-ġid anke fil-forma naturali tagħha.
Il-kontroversja madwar id-dinja dwar il-legalizzar tal-kannabis għal użu mediċinali tieħu xejra ikbar minn hawn Malta, fejn dawk li huma favur l-użu tal-kannabis, isostnu li din għandha benefiċċji mediċinali f’kull forma tagħha, anke fl-iktar mod naturali li jitpejjep, minkejja t-twissijiet mill-industrija farmaċewtika dwar il-kimiċi ħżiena li jinsabu fiha.
Infatti, il-kontribut tal-industriji farmaċewtiċi jiftaħ kontroversja oħra, fejn dawn tal-aħħar jiġu akkużati minn ħafna teoristi tal-kospirazzjoni li l-kannabis għadha tinżamm illegali, anke għal-użu mediċinali, minħabba l-effett li tħalli fuq il-produzzjoni ta’ pilloli u mediċini oħra b’ingredejenti kimiċi.
Madwar 30 stat fl-Istati Uniti llegalizzaw il-kannabis għal użu mediċinali
Fl-1996 l-istat ta’ California fl-Istati Uniti, kien l-ewwel wieħed li llegalizza l-użu mediċinali tal-kannabis. Minn dak iż-żmien s’issa 28 stat ieħor fl-Istati Uniti għaddew liġijiet favur l-użu tal-kannabis għal raġunijiet mediċi.
Il-liġijiet f’dawn l-istati jiddettaw li prodotti derivati mill-pjanta tal-kannabis li jkollhom valuri baxxi tal-element imsejjaħ Tetrahydrocannabinol(THC) u valur għoli ta’ Cannabidoil, li jiġu mpejpa, vaporizzati jew meħudin bħala żejt derivat mill-pjanta wara ordni ta’ tabib, ma jgħoddx bħala ksur tal-liġi.
Il-liġi tipproteġi wkoll lil min jagħmel użu mediku tal-kannabis biex jikseb il-prodott minn kultivazzjoni privati approvati jew permezz ta’ sistemi oħrajn approvati mill-istat.
Id-dibattitu fost il-komunità medika dwar jekk il-kannabis għandhiex titqies bħala mediċina dejjem idur mal-fatt li meta mpejpa, il-kannabis tagħti wkoll sustanzi ħżiena, fosthom uħud li jeffetwaw lill-persuna psikoloġikament, minbarra l-effetti ħżiena fuq il-pulmun ikkawżati mit-tipjip tagħha. Dawk favur l-użu tal-kannabis jiddibattu lura u qegħdin joffru provi xjentifiċi li l-kannabis toffri użu terapewtiku ta’ serħan mill-uġigħ, speċjalment ikkawżat minn mard bħal tipi differenti ta’ kanċer, glaucoma, sklerosi multipla, u l-parkinsons, fost oħrajn, kif ukoll il-prevenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ kanċer, ikkonsmata fi kwalinkwe forma tagħha.
Bl-użu tal-kannabis naqsu l-preskrizzjonijiet ta’ ħafna mediċini u ‘painkillers’
Fi studju li sar mir-riċerkaturi Ashley Bradford u missierha W. David Bradford, mill-Università ta’ Georgia, ġie żvelat li fl-istati fejn l-użu tal-kannabis mediċinali huwa legali, il-konsum, l-abbuż u l-‘overdose’ ta’ pilloli u ‘painkillers’ huwa ħafna inqas minn f’dawk l-istati li għadhom jipprojbixxuha. Dan, skont ir-rapport, huwa għaliex ħafna nies li m’għandomx il-biża’ ta’ prosekuzzjoni legali, jagħżlu li jieħdu kannabis mediċinali flok pilloli farmaċewtiċi għat-trattament ta’ serħan mill-uġigħ. Minn stħarriġ li jagħmel parti mir-riċerka tal-Bradfords, f’dawn l-istess stati ma kienx hemm mewt jew overdose waħda relatata mal-użu tal-kannabis, meta mqabbla ma’ numru kbir assoċjati mal-pilloli tul is-snin.
L-istudju wera li fl-2013 biss, fl-istati fejn hija legali l-kannabis kien hemm tnaqqis ta’ 265 dożi ta’ antidepressanti, 486 inqas dożi ta’ mediċini kontra attakki ta’ puplesija, 541 dożi inqas ta’ mediċina kontra n-naużea u 562 doża inqas ta’ mediċina kontra l-ansjetà, u l-aktar ċifra li spikkat kienet in-nuqqas ta’ 1,826 preskrizzjoni ta’ ‘painkillers’.
Ir-riċerkatriċi Ashley Bradford kitbet li, “Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li ħafna nies qed jużaw b’suċċess il-kannabis bħala mediċina u mhux b’mod rikreattiv".
‘L-industrija farmaċewtika tagħmel minn kollox biex il-kannabis tibqa’ illegali’
Ir-rapport ta’ Ashley u W. David Bradford isostni li dan it-tnaqqis fil-preskrizzjonijiet, speċjalment ta’ painkillers, iwassal biex numru ta’ kumpanji farmaċewtiċi li qed jaraw il-profitti tagħhom jonqsu minħabba l-użu tal-kannabis, u jużaw is-saħħa politika li għandhom biex isaħħu l-projbizzjoni tal-kannabis, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed joħorġu provi li qed tkun aktar benefiċjali u b’inqas effetti kollaterali minn ħafna mediċini kummerċjalment legali.
Ir-rapport jikkonkludi bit-teorija li l-kumpaniji farmaċewtiċi qegħdin jaħdmu bis-saħħa sabiex jimmanipulaw il-liġijiet f’ħafna pajjiżi biex jillegalizzaw biss prodotti derivati mill-kannabis jew kannabis sintetika mmanifatturata minnhom biss, u għaldaqstant ineħħu t-theddida li l-pjanta fl-istat naturali tagħha tista’ tħalli fuq il-profitti tagħhom. Dan għaliex din, meta kkumparat mal-prezzijiet għoljin li l-mediċina legalizzata se tkun tiswa’.
U d-dibattitu jaf ikun wieħed minn dawk fost l-oħrajn li qatt ma jintlaħaq kompromess dwarhom, għax filwaqt li kif qal Godfrey Farrugia stess, “li l-użu mediċinali tal-kannabis għandu jiġu kkunsidrat għal ħajja aktar komda u dinjituża tal-pazjent”, dejjem se jkun hemm iż żewġ estremi li minħabba fihom qatt ma jintlaħaq kompromess siewi... fejn fuq kull naħa hemm liberali estremi li jemmnu li l-kannabis hija kura naturali u rħisa għal ħafna kundizzjonijiet u fuq in-naħa l-oħra hemm l-industriji farmaċewtiċi li akkost ta’ kollox mhux se jaċċettaw li l-profitti tagħhom jonqsu minħabba “naqra ħaxixa”.