L-aġenziji tal-proprjetà quddiem il-kabinett

...Il-Ministeru ta’ Manuel Mallia mistenni jressaq l-ewwel abbozz li jipproponi bidliet fil-qasam tal-proprjetà

Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni jitressaq l-ewwel abbozz ta’ liġi quddiem il-kabinett, li se jipproponi bidliet fil-qasam tal-aġenziji tal-proprjetà. Dan stqarru kelliem għall-Ministeru tal-Kompettività u l-Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, għall-mistoqsijiet tal-ILLUM.

Il-proposti se jkunu mibnijin fuq White Paper li tressqet f’Jannar tas-sena l-oħra u li, fost affarijiet oħrajn, tesiġi illi kull aġent tal-proprjetà għandu jkun liċenzjat, filwaqt li tiġi mwaqqfa organizzazzjoni li tivverifika il-kodiċi ta’ prattika għal kull min jaħdem f’dan il-qasam.

L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Minsteru ta’ Manuel Mallia wara li persuni li tkellmu ma’ dan is-sit, fosthom ma’ nies li jaħdmu fis-settur, kif ukoll persuni mill-kamra tal-Periti. Dawn sostnew illi kemm ilhom li saru l-proposti u sussegwentement il-bidla Ministerjali f’reshuffle, ma reġa’ nstema’ xejn iktar dwar il-proposti.

‘Ħadd ma qal xejn u ma reġa’ nstema’ xejn iktar dwar il-każ, qisha mietet fuq ommha’ qalulna dawk li tkellmu magħna, ‘jista’ jkun li l-Ministru Mallia ma tantx huwa komdu bi proposti li tniedu taħt is-Segretarju Parlamenatri Josè Herrera.’

Imma kelliem għall-Ministeru ta’ Mallia ċaħad illi b’xi mod Mallia ta’ dawn il-proposti l-ġenb u sostna illi wara li kienu evalwati l-oġġezzjonijiet u d-diskussjonijiet li saru ‘huwa imminenti issa li l-proposti jitressqu fil-forma ta’ abbozz quddiem il-Kabinett.’

More in Politika