Statistika ppublikata din il-ġimgħa turi li, sa Awwissu 2016, in-numru ta’ nies jaħdmu full-time tela’ għal 181,605.
Dan inqtal fi stqarrija maħruġa mill-Gvern, li sostniet li mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, kien hemm żieda ta’ 26,193 impjieg full-time. Jiġifieri, fi ftit iktar minn tliet snin, l-impjiegi żdiedu darbtejn iż-żieda f’ħames snin sħaħ.
"Fl-ewwel snin ta’ din l-amministrazzjoni kuljum żdiedu 20 impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ ħolqien ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti," intqal fl-istqarrija.
Jidher li kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbirispikka żieda ta’ 4,600 impjieg fis-servizzi amministrattivi, 3,100 fis-servizzi tekniċi u professjonali, 1,900 fis-servizzi finanzjarji, u żieda ta’ 1,700 full-timer fl-informazzjoni u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 1,900 impjieg fis-settur tal-bejgħ, 1,900 impjieg fil-lukandi u ristoranti, u tkabbir ta’ 3,500 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra.
L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’600 fil-manifattura, u b’900 fil-kostruzzjoni, żewġ setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir qawwi fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ 2,000 impjieg full-time.
Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 23,223 persuna full-time mas-settur privat. Li jfisser li disgħa minn kull għaxar impjieg ġdid inħolqu fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku. L-impjiegi fis-settur pubbliku llum huma 24% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 27%. Jiġifieri naqset, u mhux żdiedet, id-dipendenza fuq is-settur pubbliku.
Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li jżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn, imqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni, illum hemm 1,400 persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika li qed joffru servizzi aħjar lill-familji tagħna.
Fost l-aktar li gawdiet mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm il-gżira Għawdxija, fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn 1,500 impjieg full-time. Dan it-tkabbir, fi ftit aktar minn tlett snin, huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’Għawdex matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.