Ix-xogħol fuq il-pjazza ta' Raħal Ġdid se jibda fi ftit ġranet

Wara li ntagħżel il-kuntrattur, il-proġett ta' €3 miljun fuq il-pjazza se jibda fil-jiem li ġejjin u jrid jitlesta fi żmien 15 -il xahar

Ix-xogħol fuq il-proġett tal-pjazza ta’ Raħal Ġdid, li se jbiddilha f'żona pedonali, mistenni jitkompla fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif fl-aħħar intagħżel il-kuntrattur li se jieħu t-tender għax xogħlijiet, wara li l-proċess ta' aġġudikazzjoni għall-aħjar offerta beda f'Dicembru li għadda.

Dan ikkonfermatu l-Ministru Helena Dalli, li ħabbret li issa l-kuntrattur intgħażel u li fil-ġranet li ġejjin, se jibda l-proġett ta' €3 miljun fuq il-pjazza.

F'Novembru tal-2016, L-ILLUM kienet tkellmet ma' Silvio Parnis, iċ-Ċermen tal-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta u mas-sindku ta' Raħal Ġdid Dominic Grima, dwar ix-xogħol fuq il-pjazza ta' Raħal Ġdid, li dak iż-żmien kien jidher wieqaf u anke qala' kritika mill-kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. 

Parnis kien qal mal-ILLUM li l-proġett klien mistenni li jaqbad ritmu mgħaġġel minn Diċembru u li se jitlesta mhux aktar tard minn sena u tliet xhur wara. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum intqal kif il-kuntrattur ingħata sena u tliet xhur biex il-proġett jitlesta, u li ebda kuntrattur ma jrid jaqla' multi minħabba dewmien fix-xogħol.

Il-proġett fuq il-pjazza kien imħabbar f'April tal-2015, bl-iskop li jirriġġenera u jsebbaħ il-pjazza u jbiddilha f'waħda pedonali li titgawda aktar minn nies, b'inqas periklu mit-traffiku li bħalissa jgħaddi minn din il-pjazza.

It-tul ta' żmien li ttieħed minn April tal-2015 s'issa kien dovut għall-ewwel fażi, li kienet ir-rilokazzjoni tas-siġar li wara li nqalgħu mill-pjazza, ġew imħawwla b’suċċess f’Raħal Ġdid stess, madwar il-parkeġġ taċ-ċimiterju. Is-sindku ta' Raħal Ġdid kien qal mal-ILLUM li huwa jemmen li kienet ħaġa sabiħa li dawk is-siġar, li uħud minnhom għandom 'il fuq minn 90 sena, baqgħu Raħal Ġdid. L-aħħar grupp ta’ siġar li ġew rilokati, inqalgħu mill-pjazza fl-aħħar tal-2016 u tħawlu fi ġnien il-Mediterran.

"Huwa importanti li nifhmu li l-affarijiet kellhom isiru kif suppost," saħqet Dalli, "mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u wara li jinħarġu l-permessi neċessarji kollha."

Dalli temmet tgħid li li l-proġett mhux se jkun wieħed faċli minħabba li l-pjazza tinsab viċin tas-sit storiku tal-Ipoġew, li minħabba f'hekk jillimita l-iskavar li jista' jsir fiż-żona.

More in Politika