40 sena jistennew kumpens ta’ art li ħadilhom il-Gvern

Pastażata oħra fil-Lands... Kundanna qawwija mill-Qorti fuq il-Lands u l-Kummissarju tal-Artijiet, ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-Kostituzzjoni

Pastażata oħra fil-Lands...
Pastażata oħra fil-Lands...

Wara l-istorja fuq l-ILLUM ta’ Edgar Farrugia li tħalla jistenna 16-il sena minħabba ‘żball’ mid-Dipartiment tal-Artijiet, din il-gazzetta għandha f’idejha dokumenti kif ukoll sentenza tal-Qorti Ċivili li jiżvelaw każ iktar xokkanti ta’ familja li spiċċat f’nofs qassata oħra mħawra fid-Dipartiment tal-Artijiet (Lands).

Il-familja in kwistjoni, li tkellmet mal-ILLUM, ilha tistenna iktar minn 40 sena biex tieħu kumpens għal tliet biċċiet art fin-naħa t’isfel tal-pajjiż. Parti minn din l-art ġiet esproprijata fl-1974 u kien biss fl-2014, li beda l-proċess biex id-Dipartiment jasal għal kumpens adegwat. Dan ifisser li l-każ dam ‘fil-friża’ 40 sena sħaħ li matulhom, issa skont il-Qrati Maltin, sar ksur tad-drittijiet ta’ din il-familja, ksur tal-Kostituzzjoni u ksur tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

Spiċċaw iħallsu biex jagħmlu proċessi li suppost għamlithom il-Lands

Agħar minn dan, parti mill-art li ġiet esprorijata, ttieħdet mingħajr lanqas biss saret proċedura ta’ esproprijazzjoni, jiġifieri lanqas biss saru l-proċessi neċessarji biex ikun dokumentat il-fatt li l-Gvern ħa l-art ta’ din il-familja, li tkellmet mal-ILLUM u li għalissa tixtieq tibqa’ anonima. L-Awtorità tal-Artijiet kienet mitluba biex tibda tali proċessi iżda dan baqa’ ma seħħx, xi ħaġa li l-Qorti fis-sentenza tagħha f’Ottubru 2016, iddikjarat bħala ksur tal-Kostituzzjoni.

“It-teħid forzuż tal-art proprjetà tal-familja biex saret dik il-parti tat-triq...ma sarx a bażi ta’ qafas legali u għalhekk fil-fehma ta’ din il-Qorti jikkostitwixxi ksur tal-artiklu 37(1) tal-Kostituzzjoni.”

Il-familja qed ikollha hi stess, minn butha, tagħmel proċeduri li suppost saru mill-Gvern u mill-Lands. Spejjeż li jinkludu periti, nutara u anke avukati.

F’Malta għixna dawn is-snin kollha u rajna min ħa kumpens hawn u hemm, u kemm imxew malajr il-proċessi għal ċerti nies. Allura aħna ż-żejda?

Il-Qorti kienet pjuttost skjaċċanti fil-kummenti tagħha lejn il-Kummissarju tal-Artijiet u qalet li ‘dan ma laħaqx il-bilanċ meħtieġ meta wieħed iqis iż-żmien eseġerat bejn meta ttieħdet il-proprjetà u li effettivament għad irid jiġi determinat il-kumpens li għandhom jitħallsu r-rikorrenti’, u ż-żmien li kellha tistenna l-familja. L-istess Qorti preseduta mill-Imħallef Anna Felice sabet li f’dawn iċ-ċirkostanzi sar ksur tad-drittijiet tal-familja hekk kif protetti mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

Is-sentenza hija prattikament att ta’ kundanna fuq il-Kummissarju tal-Artijiet , il-Lands, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet pubbliċi involuti. Tant li l-Qorti sostniet li d-dewmien eżaġerat li batiet u għadha qed tbati din il-familja, “ma jagħmel ebda ġieħ lill-intimati responsabbli mill-amministrazzjoni pubblika.”

Il-Qorti fakkret kif permezz ta’ deċiżjoni li ħadet il-Qorti Ewropea fil-każ Deguara Caruana Gatto kontra Malta kienet saret l-osservazzjoni relevanti li tgħid li, ‘Dewmien eżaġerat fil-ħlas ta’ kumpens għal espropriju iwassal għal żieda fit-telf finanzjarju għal persuna li jkollha l-proprjetà tagħha esproprijata u tpoġġiha f’sitwazzjoni ta’ inċertezza.’

‘Lil min irranġaw malajr, malajr u lilna ħallewna nistennew’

“Dan sew u ġust allura? Aħna f’Malta għixna dawn is-snin kollha u rajna min ħa kumpens hawn u hemm, u kemm imxew malajr il-proċessi għal ċert nies fil-Lands. Allura aħna ż-żejda?” qalet membru tal-familja li ltaqgħet mal-ILLUM. “Jien ili niġri għand il-Lands snin twal u nista’ ngħidlek, li speċjalment sa ftit snin ilu, ir-risposta, mingħand diversi nies fosthom l-eks Kummissarju tal-Artijiet Albert Mamo, dejjem kienet tkun li ‘aħna qed inħallsu l-aktar riċenti l-ewwel’. Dan sew allura?” tistaqsi lill-ILLUM viżibbilment urtata u mweġġa’ bis-sitwazzjoni. “U dawk li ilhom jistennew, x’nagħmlu? Inħalluhom imutu biex ma jieħdu xejn, bħalma miet missieri?”

Filwaqt li qalet li issa l-familja se tkun qed tiftaħ kawża fil-Qorti Kostituzzjonali, sostniet li n-naqra xaqq ta’ tama għall-familja tagħha huwa t-twaqqif riċenti tal-Awtorità tal-Artijiet. “Qed nittamaw li dan il-bord jagħmel xogħlu sew u jirranġa l-irregolaritajiet, fosthom tagħna, għax għejjejna u xbajna nonfqu flus. Fil-fatt sakemm nieħdu dak li hu tagħna probabbilment se nkunu nfaqna ħafna iktar f’periti, nutara, avukati u qrati.”

More in Politika