Għax xjenzati t’għada...
Ftehim bejn l-MCST u l-MCAST se jgħin biex aktar żgħażagħ jagħżlu karrieri fix-xjenza...
More in Politika
Ftehim bejn l-MCST u l-MCAST se jgħin biex aktar żgħażagħ jagħżlu karrieri fix-xjenza...
Ftit tax-xhur ilu, sar ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST).
Dan il-ftehim jiffoka fuq l-oqsma tal-komunikazzjoni tax-xjenza kif ukoll fil-gwidi għall-karrieri. Il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet hu bbażat fuq ir-rieda tal-partijiet li jikkoperaw biex iżidu l-popolarità tax-xjenza fost il-poplu, speċjalment fost iż-żgħażagħ.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo b’risposta għall-mistoqsija mressqa lilu fil-Parlament mid-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Bartolo qal li “dan il-ftehim sa biex jintlaħaq l-għan li aktar żgħażagħ jagħżlu karrieri fix-xjenza u oqsma relatati.”
Il-Ministru spjega li wkoll li l-partijiet ftehmu li jkomplu jikkoperaw biex joffru internships u esperjenzi ta’ xogħol lill-istudenti tal-MCAST ġewwa l-MCST u fiċ-ċentru xjentifiku tal-ESPLORA.
“Inizjalment, l-internships se jiġu offruti lil numru ta’ studenti proposti mill-MCAST għal perjodu qasir ta’ żmien, imbagħad, issir selezzjoni ta’ studenti li ser jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf.”
l-MCST u l-MCAST qablu ukoll li jaħdmu flimkien biex jesploraw u jikkollaboraw fuq inizjattivi xjentifiki li jiġu identifikati minn żmien għal żmien.
Bartolo spjega li dan il-ftehim se joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni bejniethom. “Il-ftehim se joħloq ukoll inkoraġġiment biex jintagħżlu suġġetti tax-xjenza, kif ukoll se jgħin lill-istudenti jiżviluppaw professjonalment u personalment,” żied jgħid il-Ministru, hekk kif saħaq li dan se jgħin ukoll fit-tranżizzjoni mill-ħajja akkademika għad-dinja tax-xogħol għaliex l-istudenti se jkunu esposti għal esperjenzi u opportunitajiet f’diversi oqsma relatati max-xjenza u l-arti, jitgħallmu jaffaċċjaw l-isfidi li toffri d-dinja tax-xogħol hands on u joħorġu mill-esperjenza mħarrġa u lesti anke bil-prattika li tgħallmu fit-teorija.
“Barra minn hekk, Esplora se tgħin biex l-istudenti jifhmu aħjar fejn jixtiequ jispeċjalizzaw fil-linji relatati max-xjenza,” temm jgħid Bartolo.