Permezz ta’ fondi mill-gvern ċentrali, il-Kunsill Konsultattiv għan-Nofsinhar ta’ Malta wettaq proġett f’Ħaż-Żabbar biex tiżdied is-sorveljanza fl-inħawi permezz tal-installazzjoni ta’ diversi CCTV cameras f’Misraħ San Ġakbu, post frekwentat minn bosta residenti Żabbarin inklużi familji, anzjani u żgħażagħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet f'Ħaż-Żabbar, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli qalet li "din l-akkwata kienet identifikata wara diversi ilmenti li saru fosthom dwar vandaliżmu u serq kontinwu." Dalli żieded tgħid li issa, permezz tas-sistema ta’ CCTV cameras li kienet installata fl-aħħar jiem, se tiżdied is-sigurtà u se tgħin aktar lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħha. Fl-istess waqt il-Ministru Dalli appellat biex min jinnota kwalunkwe aġir mhux f’loku, jirrapporta mal-ewwel lill-Pulizija, anke b’mod anonimu.
Dalli ħabbret li bis-saħħa ta’ dan il-proġett u b’ħidma konġunta mal-Ministeru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali kienet installata wkoll sistema ta’ Wi-Fi fl-inħawi biex ir-residenti u l-pubbliku jkunu jistgħu jagħmlu użu mis-servizz tal-internet bla ħlas waqt il-ħin liberu tagħhom fi spazju pubbliku. Dalli fakkret li din kienet waħda mill-wegħdi elettorali ta’ dan il-gvern li jipprovdi servizz ta’ Wi-Fi b’xejn f’postijiet strateġiċi f’ħafna lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
“Se nkomplu nkunu viċin il-komunitajiet tagħna fosthom fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex nagħmlu aktar proġetti li bihom intejbu l-ħajja tan-nies”, temmet tgħid il-Ministru Dalli.