Lill-Għarusa tal-Mosta... se jirranġawla l-ġnien

Bdew ix-xogħolijiet fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta, li għal snin sħaħ tħalla f’abbandun u fi stat ta’ telqa

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima José Herrera żar Ġnien l-Għarusa tal-Mosta fejn bħalissa għaddej ix-xogħol f’dan il-masġar li jagħti għal fuq Burmarrad u San Pawl il-Baħar. Ix-xogħlijiet qed isiru wara li fl-aħħar budget il-Gvern approva l-fondi biex dan il-ġnien u Ġnien Dom Mintoff f’Ħal Tarxien jibdew jitranġaw.

Il-ġnien, li għal snin sħaħ tħalla f’abbandun u fi stat ta’ telqa u kien lok għall-abbużi, se jiġi trasformat f’post ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Il-perit li qed tieħu ħsieb dan il-proġett spjegat dwar x’se jikkonsistu x-xogħlijiet. Bħalissa qed jitħawlu siġar taż-żebbuġ maturi li qed jieħdu post is-siġar mejta tal-lewż.

Fost ix-xogħol li hemm ippjanat li jsir se jkun hemm l-installazzjoni ta’ rail fit-triq prinċipali qabel id-daħla tal-ġnien, pavimentar ġdid, bankijiet, planters, gazebo, dwal u bins, it-tiswija ta’ ħitan li bħalissa huma mġarrfa u ż-żbir ta’ siġar u ta’ arbuxelli, qlugħ ta’ siġar mejta u tħawwil adattat ta’ siġar li se jieħdu post dawk mejta.

Bħala parti mill-proġett se tiġi mfassla sistema ta’ irrigazzjoni, flimkien mat-tiswija u restawr tal-ġibjun. Speċjalment fejn hemm il-ġebel maqlugħ, se jsir ukoll restawr tal-Victoria Lines .

Ix-xogħlijiet huma suġġetti għall-applikazzjoni u għall-proċess tal-permessi meħtieġa.

Il-Ministru José Herrera spjega li dan il-ġnien mhux biss hu fost l-akbar u l-isbaħ fil-Gżejjer Maltin iżda jgawdi wkoll minn wirt dinji u patrimonju nazzjonali bħall-Victoria Lines u bħal shelters kbar ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, li jinkludu wkoll war rooms li jinsabu pass ‘il bogħod mill-fortizza li twassal għal Wied il-Għasel.

“Dan il-ġnien għandu potenzjal enormi li sfortunatament għad m’aħniex narawh, bħal festivals tat-tip Għanafest, festivals fi żmien l-Imnarja, wirjiet, u teatru peress li dan il-ġnien għandu wkoll Teatru Grieg b’veduti mill-isbaħ fuq l-ambjent rurali ta’ Burmarrad”, qal il-Ministru Herrera.

Il-Ministru Herrera temm jgħid li malli jitlestew ix-xogħlijiet ippjanati ma jkunx ifisser li x-xogħol kollu jkun spiċċa. Għall-kuntrarju għad fadal aktar xogħol xi jsir u jrid jitkompla b’mod regolari sabiex dan il-ġnien jibqa’ jinżamm dejjem fi stat tajjeb, jitgawda mil-poplu kollu, u ma jerġax jispiċċa fl-istat li jinsab fih bħalissa.

Il-ġnien se jerġa’ jieħu l-ħajja wara snin sħaħ ta’ telqa u ta’ abbandun u li l-Mostin tant ilmentaw dwarhom.

Il-Ministru radd ħajr lid-Direttorat tal-Parks u qal li dan id-direttorat għandu l-irwol ċentrali li jkompli jsebbaħ uħud mill-wesgħat li għandna f’pajjiżna.

More in Politika