
€8.5 miljun allokati għall-Kunsilli Lokali tar-Reġjun tat-Tramuntana
Żieda ta’ iktar minn 10% fuq is-sena 2016

More in Politika
Żieda ta’ iktar minn 10% fuq is-sena 2016
Waqt li kien qed ikellem lis-Sindki tar-Reġjun tat-Tramuntana f’waħda minn sensiela ta’ seminars, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li dan ir-Reġjun kellu żieda fl-allokazzjoni finanzjara ta’ aktar minn 10% fuq is-sena 2016. Buontempo qal li għal din is-sena fondi allokati għall-Kunsilli Lokali fi ħdan ir-Reġjun tat-Tramuntana issa tela’ għal €8.5 miljun.
Buontempo rringrazzja lil dawk preżenti għad-disponsibbilità tagħhom u saħaq li tali laqgħat għandhom iservu ta’ qsim ta’ ideat u opinjonijiet bil-għan ewlieni li titjieb l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Buontempo fakkar kif dan il-Gvern baqa’ jirrikonoxxi l-ħidma sfieqa tal-Kunsilli Lokali billi kompla jżid l-allokazzjoni diretta u indiretta lill-istess Kunsilli. "Din iż-żieda qiegħda tkun msarrfa f’proġetti ta’ fejda għal komunitajiet lokali, proġetti li jvarjaw minn riġenerazzjoni ta’ pjazzez għal rinovar ta’ bandli u spazji miftuħa, għal pitches b’turf artifiċjali ta’ grounds tal-football, għall-organizzazzjoni ta’ diversi attivitajiet soċjali u kulturali," qal Buontempo.
"Però l-Gvern," kompla jgħid Stefan Buontempo, "ma qadx idu f’idu, anzi investa b’saħħa biex jara kif titjieb l-infrasstruttura fiżika u soċjali ta’ din iż-żona ta’ Malta." Huwa semma proġetti b’investiment ta’ miljuni ta’ewro li jinkludu fost oħrajn bini ta’ skejjel primarji, il-bini ta’ ċentru nazzjonali għall-konservazzjoni tal-ilma, immodernizzar ta’ ċentri ta’ matul il-jum kif ukoll l-installar ta’ CCTV cameras f’żoni partikolari. Hu saħaq dwar l-importanza tal-kontabbilità fit-tmexxija u li dan għandu jwassal biex il-Kunsilli Lokali jerġgħu jibdew mexjin fuq rotta ta’ sostenibbilità finanzjarja.
“Dan il-messaġġ jidher li wasal għand il-maġġoranza assoluta tal-Kunsilli Lokali tagħna u ta’ dan nirringrazzjakom minn qalbi. Qiegħed ukoll nagħmilha ċara li għal dawk il-Kunsilli li ħadmu bil-fatti biex b’mod progressiv inaqqsu d-dejn li kienu akkumulaw matul is-snin, mhux ser nibqgħu ngħafsu fuqhom b’mod daqstant riġidu imma ser inħalluhom, anzi ser ngħinuhom sabiex ikattru l-inizjattivi għal ġid tal-komunità tagħhom, dejjem fi spirtu u b’obbligu li tali inizjattivi ma jgħarqux it-tajjeb kollu li għamlu biex reġgħu qabdu rotta ta’ stabbilità finanzjarja. Nemmen li għandi nippremja l-għaqal ta’ dawk li ħadmu bil-għaqal”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.
Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mill-President tar-Reġjun tat-Tramuntana.