Illum, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil tal-Klima nieda mobile application ġdida biex jgħin lill-pubbliku sabiex inaqqas l-iskart u jżid l-isforzi fis-separazzjoni tal-iskart. B’din l-app wieħed jista’ jfittex oġġett jew prodott partikulari u din tagħtik informazzjoni ta’ kif tiddisponi minn dan l-oġġett bl-aħjar mod.
Din l-app se tinkludi wkoll kalendarju li turi l-ġranet u l-ħinijiet tal-ġbir ta’ kull tip ta’ skart, kemm dak organiku, dak riċiklabbli kif ukoll dak tal-borża s-sewda, għal kull lokalita’. Tista’ wkoll tara mappa dettaljata ta’ fejn issib il-Bring-In sites, iċ-Ċentri għall-iSkart Goff u Faċilitajiet u servizzi oħra li huma disponibbli għall-pubbliku. Dan kollu jista’ jsir b’għafsa ta’ buttuna! B’din l-app se tkun tista’ tirċievi notifikazzjonijiet ibbażati fuq l-interessi u l-bżonnijiet tiegħek.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Jose Herrera nieda din l-app fl-MCAST, wara kollaborazzjoni ma’ studenti li qed isegwu kors ta’ mobile application design li taw l-feedback tagħhom waqt il-fażi tat-testing tal-app. Waqt it-tnedija uffiċċjali attendew ukoll xi studenti li pparteċipaw fit-testing tal-app, kif ukoll urew kif taħdem din l-app.
“Din l-inizjattiva qed tappoġġja l-isforzi tal-Gvern biex l-immaniġġjar tal-iskart isir aktar faċli għal kulħadd. Għalkemm is-sena li għaddiet irregistrajna tnaqqis fit-total tal-iskart li kien imur fil-borza s-sewda u zieda fl-iskart li jintrema’ fil-borża tar-riċiklaġġ, fadal ħafna xi jsir u bl-għajnuna ta’ kulħadd naslu biex jkollna ambjent aħjar u nilħqu t-targets li għandna fuq l-iskart”qal il-Ministru Herrera.
Id-Don’t Waste Waste app tħeġġeġ li l-iskart jiġi mmaniġġjat aħjar, billi tagħti informazzjoni fuq is-servizzi tal-ġbir tal-iskart u l-faċilitajiet disponibbli għall-immaniġġjar tal-iskart. Din l-app tagħti wkoll informazzjoni ta’ avvenimenti relevanti u tinkludi formola biex tibgħat il-mistoqsijiet jew diffikultajiet li jista’ jkollok. L-app tista’ tniżżilha mill- Apple iStore u mill-Google Play Store.
Għal aktar informazzjoni ta’ kif għandek timmaniġġja l-iskart, idħol fis-sit http://www.dontwastewaste.gov.mt/. Aghti Sehmek!