‘Xejn Trasparenza mill-PRS’
Proposti Ewropej mistennijin jirregolaw il-ħlas lill-artisti lokali
minn Albert Gauci Cunningham
Il-kwistjoni tal-PRS u l-ħlas ta’ royalties lill-kantanti u awturi, li tqajmet l-ewwel darba fuq l-ILLUM permezz ta’ ilmenti minn sid ta’ ħanut tax-xagħar, se tieħu żvolta ġdida u akbar.
Dan hekk kif issa hija l-Kummissjoni Ewropea li qed tipproponi li kull awtur jew kantant, bil-liġi, ikun infurmat bl-andament tal-produzzjoni tiegħu u jingħata rendikont finanzjarju ta’ fejn marru l-flus u kemm huwa dovut lilhom mill-kumpanija li tieħu ħsieb ir-royalties.
Mal-ILLUM Howard Keith Debono, maniġer ta’ bosta kantanti fosthom Ira Losco, ma jomgħodx kliemu wisq u jgħid li bħalissa m’hemm assolutament l-ebda trasparenza fid-distribuzzjoni ta’ dawn il-flus. “Din is-sistema f’pajjiżna, sempliċiment falliet.”
Meta l-ILLUM kienet talbet lil PRS for Music għal informazzjoni dwar kemm jaqilgħu l-artisti Maltin mingħandha bħala ħlas talli l-mużika tagħhom tindaqq fuq l-istazzjonijiet tar-radju, bqajna bla risposta.
‘Il-kantanti li naf jien ħadu bejn £100 u £1,000 f’sena’
Ir-riformi fl-Att dwar il-Copyright mistennijin jingħataw l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew
L-għan tal-proposta tal-KE, li mistennija ssir direttiva u sussegwentement liġi fil-pajjiżi tal-UE, huwa biex tinħoloq trasparenza fil-proċess tat-tranżazzjoni ta’ ħlas lill-awturi u kantanti. L-ILLUM hija infurmata li l-Parlament Ewropew qed iħares b’mod favorevoli lejn il-proposti, nkluż dik li tiddaħħal aktar trasparenza.
Il-proposti, li qed ikunu imbuttati mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-PN Therese Comodini Cachia, jesiġu li kull stat membru jara li “l-awturi u l-kantanti jirċievu fuq bażi regolari u skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull settur, informazzjoni adegwata, suffiċjenti u fil-ħin dwar kif ix-xogħol u l-prestazzjonijiet (performance) tagħhom qed jintuzaw minn dawk li huma illiċenzjaw jew li għaddew lilhom id-drittijiet tagħhom.”
Il-proposta tkompli tgħid li, b’mod speċjali, l-awturi u l-kantanti jeħtieġ ikunu infurmati bil-mod kif ix-xogħol tagħhom qed jintuża, bid-dħul li qed jiġġenera kif ukoll b’dak li huwa dovut lilhom minn kumpaniji bħal PRS for Music u anke mir-Record Labels li qed imexxuhom.
Mal-ILLUM, Debono sostna li hemm diversi problemi relatati ma’ din il-kwistjoni, l-aktar dik ta’ trasparenza. Huwa jfakkar li kemm hu kif ukoll membri oħrajn tal-PRS kienu jistaqsu fejn huma l-flus li qed jinġabru mill-istess kumpanija. “Ħadd mill-kantanti stabbiliti dak iż-żmien bħal Ira Losco u Winter Moods, li kienu jgawdu minn popolarità u kienu jindaqqu ħafna, ma kienu qed jirċievu dak li suppost kien dovut lilhom u allura qablu li jitħallsu b’lura, kollox ibbażat fuq il-provi u d-dokumentazzjoni. Minflok, il-PRS naqqsu r-rata ta’ ħlas għal kull darba li tindaqq diska u l-kantanti kien se jkollhom 25% biss ta’ dak li kien dovut.”
Debono jgħid li l-maġġoranza tal-membri tal-PRS, “ovvjament mhumiex Maltin u ħafna minnhom huma awturi mir-Renju Unit, li tqajjem il-problema dwar il-fatt li dawn joperaw skont il-bżonnijiet tagħhom u dak li se jirrendilhom,” mhux skont l-interessi tal-kantant jew awtur lokali.
Imma l-akbar problema għal Howard Keith Debono hija t-trasparenza. “Jien inġib l-informazzjoni kollha mingħand is-sieħeb tiegħi fin-negozju, u l-ebda informazzjoni mingħand il-PRS. Kif jista’ jkun? Kellna każi partikolari fejn awturi ta’ diska li suppost jaqsmu d-dħul, nofs bin-nofs, jieħdu aktar minn xulxin...fl-aħħar żmien lanqas dan ma jaslilna. Kull ma nirċievu hija informazzjoni ġenerika li ma tfisser assolutament xejn.”
“L-ebda artist li naf jien,” ikompli Debono ma’ din il-gazzetta, “ħafna minnhom mill-qrib jew persuni li naħdem mill-qrib magħhom ma jirċievu fuq il-mijiet ta’ ewro. Li rajt jien huwa distribuzjoni ta’ bejn £100 u £1,000 fis-sena...din is-sistema f’pajjiżna, sempliċiment falliet.”
“Sakemm membru tal-PRS ma jitkellimx u jqajjem plejtu fuq ċerti żbalji ta’ kif jitqassmu l-flus, l-artisti ma jieħdu xejn. Meta kkonfermajt li kien sar żball, il-PRS ammettew u ħallsu dak dovut,” qal Debono li staqsa għalfejn kantant jew awtur għandu joqgħod jagħmel plejtu biex jieħu dak li ħaqqu.
‘Wasal iż-żmien li Malta jkollha sistema lokali simili għall-PRS’
Intant, Debono, wieħed mill-imħuħ wara kantanti u gruppi lokali jesiġi ma’ din il-gazzetta li wasal iż-żmien li pajjiżna jkollu soċjetà simili għal dik tal-PRS, imma li tkun magħmula kollha mill-Maltin u tkun immexxija mill-istess Maltin.
Filwaqt li qal li din is-soċjetà għandha tkun rikonoxxuta bħal soċjetajiet oħrajn madwar id-dinja, saħaq li t-twaqqif tagħha tkun importanti “biex ħadd ma jħossu misruq, la l-istazzjonijiet u lanqas il-kittieba jew l-istabbilimenti.”
Mal-ILLUM, Howard Keith Debono jgħid li din is-soċjetà tista’ taħdem mill-viċin ta’ diversi artisti lokali u tkun tista wkoll tressaq inizjattivi ġodda biex iżżid it-talent lokali fuq l-istazzjonijiet Maltin. “Wisq ħitan burokratiċi waqqfu lil membri lokali minn dak li hu tagħhom minn soċjetà internazzjonali bħall-PRS, li qed topera F’Malta. M’hemmx triq oħra ħlief li jkollna soċjetà simili aħna.”
‘Sal-lum taċċetta ċ-ċekk u daqshekk’
L-ILLUM tkellmet ukoll mal-moħħ lokali wara l-bidliet li qed ikunu proposti mill-Kummissjoni Ewropea, Therese Comodini Cachia, rapporteur għar-Riforma tal-Copyright li qed tkun proposta.
Comodini Cachia sostniet li sal-lum, anke mill-esperjenzi tagħha, il-kantanti jew l-awturi qishom jaċċettaw ċekk u daqshekk, mingħajr spjegazzjoni u ta’ kif u għaliex ġie deċiż l-ammont li se jingħata f’royalties. “Ma’ dawk kollha li ltqajt, artisti lokali u anke Ewropej jibqa’ jkun hemm dubji dwar dan il-ħlas,” sostniet Comodini Cachia.
B’dawn il-proposti, il-kantant jew l-awtur se jkollu kull dritt, permezz ta’ proċedura trasparenti, li jkun jaf id-dettalji tal-ħlas u jikkontesta tali ammont.
Comodini Cachia ssostni li dawn il-bidliet mhumiex relevanti biss għal soċjetajiet bħall-PRS For Music imma wkoll għal dawk ir-Record Labels li magħhom jiffirmaw kantanti. Dawn ukoll jeħtieġ jagħtu rendikont.