Illum komplew il-battibekki bejn iż-żewġ partiti b'diversi stqarrijiet fejn il-Partit Laburista ħareġ stqarrija biex iwieġeb lill-PN dwar it-talba tagħhom li titneħħa iċ-Chairperson tal-Awtorita tax-Xandir fejn anke stqarrew li din, meta Simon ikun fil-gvern titkeċċa wkoll mingħajr notice bħall-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Partit Laburista qal li "Illum kien imiss li l-Kap tal-Oppożizzjoni jisfiduċja x-xogħol tal-Awtorita’ tax-Xandir u jgħid li se jkeċċi liċ-Chairperson tal-Awtorità mingħajr notice. Wara l-isfiduċja fil-Pulizija, fl-Armata, fit-tmexxija u l-ġurnalisti tal-PBS, fil-ħaddiema tal-Enemalta, fil-ħaddiema tal-Awtorità tal-Ippjanar, fil-ħaddiema tal-ERA, fil-ħaddiema tal-Isptarjiet tagħna, fl-investituri Maltin u barranin, issa kien imiss li jisfiduċja l-Awtorità tax-Xandir. "Ma tagħtix tort lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin jistaqsu min se jkun imissu li jitkeċċa jekk jingħata fiduċja Busuttil. Il-futur ta’ kulħadd huwa mhedded b’Simon Busuttil. Għalhekk in-nies mhux se jreġġgħu l-arloġġ lura. Minflok Simon Busuttil iżomm lil Toni Bezzina, Beppe Fenech Adami, Tonio Fenech, George Pullicino u Jason Azzopardi." ittemm l-istqarrija tal-Partit Laburista.
Sadattant il-PN ħareġ stqarrija oħra fejn qal li Muscat beda jara t-telfa ġejja, "Għax beda jxomm it-telfa ġejja, Muscat u l-Ministri tiegħu bdew kampanja ta' biża' fejn, f'temp ta' 24 siegħa diġà beżżgħu darbtejn bil-possibilità ta' Gvern ġdid Nazzjonalista. Iżda l-poplu mhux talli m'għandux għal xhiex jibża' mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, iżda talli jista' jserraħ rasu."
Il-PN qal ukoll li "Wara erba snin jinjora, mbagħad jirredikola, mbagħad jattakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, issa Joseph Muscat qabdu paniku u nesa' l-pożittività falza tiegħu u minflok beda jbeżża' bil-babaw. Iżda għan-nies kollha ta' rieda tajba, it-tbeżżiegħ ta' Joseph Muscat dwar il-Partit Nazzjonalista mhu xejn ħlief gidba oħra."