Tliet lukandi ordnati jagħlqu l-bibien fl-2016

L-MTA tinżel b’ponn tal-ħadid u tieħu azzjoni legali kontra 10 lukandi u tmien operaturi, fosthom Żaren Vassallo

l-lukanda Santa Marija, waħda mil-lukandi li kienu ordnati jagħlqu mill-MTA, sakemm...
l-lukanda Santa Marija, waħda mil-lukandi li kienu ordnati jagħlqu mill-MTA, sakemm...

Matul l-2016, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) niżlet b’ponn tal-ħadid fuq numru ta’ operaturi ta’ lukandi li ma kinux konformi mar-regolamenti kif stabbliti jew fejn l-istabbiliment kien taħt l-istandards permissibbli. L-MTA, fil-fatt, ħarġet ordnijiet ta’ infurzar għall-għeluq ta’ tliet lukandi, waħda f’San Pawl il-Baħar u tnejn f’San Ġiljan.

Minn spezzjonijiet li saru mill-istess awtorità s-sena l-oħra, jirriżulta li kien  hemm b’kollox 17-il lukanda li ma kinitx konformi, b’azzjoni legali tittieħed kontra 10 lukandi u tmien operaturi.

Operatur wieħed... tliet ordnijiet ta’ infurzar 

Il-lukanda Santa Marija f’San Pawl il-Baħar immexxija mill-operatur Krister Jose Zackrisson, l-operatur ta’ żewġ lukandi oħra li ffaċċjaw azzjoni mill-MTA, ġiet sfurzata tagħlaq u ma tistax tiftaħ qabel ma jkollha l-approvazzjoni tal-awtorità.

Jirriżulta, minn informazzjoni li tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra tar-Rappreżentanti mill-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li din il-lukanda ma kinitx l-unika waħda ta’ Zackrisson li kellha xi forma ta’ kundizzjonijiet imposti fuqha. Fil-fatt, il-lukanda ta’ faċċata tas-Santa Marija, il-Blue Seas San Anton ukoll laqqtet azzjoni mill-istess awtorità minħabba dak li kien deskritt bħala ‘problema għaż-żamma u d-dehra tal-lukanda’.

Fil-każ tal-lukanda Santa Marija, anke jekk din l-informazzjoni ma ngħatatx minn Zammit Lewis, ħaddiema mill-lukanda, kkonfermaw mal-ILLUM li għaddej rinovar, kif fil-fatt għaddej ukoll fil-lukanda Blue Seas San Anton. 

Lukanda oħra tal-istess operatur, li jirrapreżenta il-Cavendish Hotels Ltd., is-St. George’s Park ta’ Paceville, ukoll spiċċat fil-mira ta’ azzjoni mill-Awtorità, b’multa ta’ €1,165 talli l-lukanda ma kinitx konformi mal-livelli legali u sussegwentement ordni għall-għeluq tal-lukanda minħabba li ma kinitx konformi mal-livelli kif stabbiliti skont il-liġi.

Fl-informazzjoni li ngħatat fil-Parlament aktar kmieni din il-ġimgħa, ġie spjegat kif il-lukanda reġgħet kienet miftuħa mill-MTA, “b’mod gradwali wara li l-operatur beda jirranġa u jallinea ruħu mal-livelli legali.” 

Imma din il-katina ta’ lukandi ma kinitx waħedha, fil-fatt lukanda oħra, din id-darba f’San Ġiljan, kellha l-giljottina qrib ħafna t’‘għonqha’ meta anke hawn l-Awtorità ordnat l-għeluq tagħha. Il-Beach Garden Hotel, ta’ tliet stillel fil-bajja ta’ San Ġorġ laqqtet avviż ta’ infurzar b’ordni oħra ta’ għeluq tal-lukanda minħabba l-istat ħażin li kienet fiha. Il-lukanda reġgħet ġiet miftuħa mill-MTA b’mod gradwali wara li s-sid ħa azzjoni biex jkun konformi mal-liġi.

Anke Żaren Vassallo laqqata’...

Anke l-iżviluppatur Żaren Vassallo, f’isem Oper8malta Ltd. iffaċċja azzjoni mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fuq il-lukanda ta’ tliet stillel li jmexxi f’Buġibba, il-Buġibba Hotel minħabba problema relatata ma’ għamara, filwaqt li lukanda oħra ta’ tliet stilel f’Buġibba, Euro Club, kienet mitluba biex tagħmel titjib u twaħħal l-arja ikkundizzjonata kif rikjest mil-liġi.

L-informazzjoni li poġġa Zammit Lewis fuq il-Mejda tal-Kamra turi li fiż-żewġ każi, ittieħdu jew qed jittieħdu l-miżuri li kien hemm bżonn.

Apparti lukandi ta’ żewġ jew tliet stillel, l-MTA kienet kostretta wkoll tieħu azzjoni kontra erba’ lukandi ta’ erba’ stillel, tnejn f’Tas Sliema, waħda fil-Qawra u l-oħra fil-Mellieħa. F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, is-sitwazzjoni wkoll kienet miġjuba skont il-livelli rikjesti mil-liġi.

Fil-każ tal-Lukanda Maritim Antonin Hotel tal-Mellieħa, l-MTA tat żewġ multi li laħħqu l-€2,330 minħabba li l-lukanda infetħet u baqgħet topera mingħajr il-permessi meħtieġa.   

Il-Ministru Edward Zammit Lewis kien qed jirrispondi domanda parlamentari tad-deputat Silvio Schembri.

More in Politika