Kulħadd jinxtara ... kulħadd għall-bejgħ
Sbieħ dalgħodu qomna niddiskutu wieħed mill-imsiemer finali fuq it-tebut tal-fiduċja fil-politika Maltija...Editorjal speċjali tal-ILLUM dwar it-tiġrija ta' min se jiżżerżaq l-aktar l-isfel...
minn Albert Gauci Cunningham
Meta l-politika ssir logħba ċess, ma tkunx taf min se jitlef u min se jirbaħ. Meta l-politika ssir logħba ċess dawk kollha li ma jħobbux iċ-ċess jieqfu jsegwu, jieqfu jinteressahom, jieqfu jimpurtahom iktar. Meta l-politika ssir tiġrija għall-qiegħ, mela allura dawk ta’ rieda tajba se jieħdu pass lura, se jżommu l-bogħod, se jinqatgħu mill-logħob ta’ min jara l-politika bħala missjoni biex iħaxxen butu.
Minkejja l-arja kważi ċelebratorja minn kwartieri fil-Partit Laburista u minkejja li l-ittra tal-kumpanija DB illi fiha żvelat kif kienet qed tħallas il-pagi tas-CEO u anke tas-Segretarju Ġenerali tal-PN tat tidrisa serja u ċaqqmet sew il-kampanja ta’ Simon Busuttil, dawk ta’ rieda tajba mhumiex impressjonati.
Il-Partit Laburista jaf sew li ftit għadhom jemmnu li l-Gvern li jmexxi huwa ‘nadif’. Bil-wisq inqas hemm nies li jemmnu li ħadd mhu qed jitħanżer. Morru fit-toroq u staqsu u tkellmu.
Din hija daqqa qawwija ħafna lil Simon Busuttil u l-għajta tiegħu tal-onestà u l-battalja kontra l-korruzzjoni. Imma għax hija daqqa ta’ ħarta għall-PN, ma jfissirx li hija rebħa għall-Labour
Il-Partit Laburista jaf sew li dan il-ħsieb tant issa jinsab fil-fundament ta’ dak li qed jemmnu eluf kbar ta’ votanti, li sena se tkun ftit wisq żmien biex dak il-ħsieb, jinbidel. Biex il-poplu jerġa jara Gvern ‘nadif’ u Gvern li mhux qed jiffoxxna u jitħanżer. Allura, triq waħda fadal. Dik li jikxef il-ħmieġ ta’ ħaddieħor. Biex il-votant jgħid ‘ara l-Labour vera maħmuġ jew vera hemm min qed jitħażner, imma l-PN għadu l-istess u tħanżer jew huwa maħmuġ iktar.’
Dak li nkixef ilbieraħ dwar il-PN huwa dipressanti. Forsi l-aktar għax kienu mijiet jekk mhux eluf ukoll dawk li kienu qed jagħtu l-benefiċċju tad-dubju lil Busuttil. Ilbieraħ ħafna minn dak il-benefiċċju tar. Kienet verament, sakemm ma jkunx hemm spjegazzjoni aktar ċara mill-aħħar stqarrija fil-ħinijiet li għaddew, daqqa qawwija ħafna lil Simon Busuttil u l-għajta tiegħu tal-onestà u l-battalja kontra l-korruzzjoni. Imma għax hija daqqa ta’ ħarta għall-PN, ma jfissirx li hija rebħa għall-Labour.
xi ħaġa tal-biki li dalgħodu erġajna qomna bl-idea, din id-darba iktar b’saħħitha, illi ‘t-tnejn l-istess’, ‘it-tnejn maħmuġin’, ‘it-tnejn korrotti’. Hija verament inkwetanti li erġajna qomna, erba’ snin biss wara li vvutajna għall-bidla, nitkellmu dwar min huwa l-aktar maħmuġ miż-żewġ partit
Hija verament xi ħaġa tal-biki li dalgħodu erġajna qomna bl-idea, din id-darba iktar b’saħħitha, illi ‘t-tnejn l-istess’, ‘it-tnejn maħmuġin’, ‘it-tnejn korrotti’. Hija verament inkwetanti li erġajna qomna, erba’ snin biss wara li vvutajna għall-bidla, nitkellmu dwar min huwa l-aktar maħmuġ miż-żewġ partiti. Min qed jorqod l-aktar ma’ kuntratturi u min qed iċekċek it-tazzi l-aktar ma’ nies li l-politika jarawha biss bħala nixxiegħa li tħaxnilhom il-but u tagħmilhom sinjuri. Hija sfortuna li dalgħodu qomna għall-Oppożizzjoni mbenġla waħda sew u Gvern li, bir-rispett kollu qed jieħu gost għax ġie prattikament nkurunat ‘l-aħjar mill-agħar’.
Verament dan il-pajjiż u dan il-poplu sar joqgħod għal kollox. Verament għadna poplu ossesjonat biex illum hemm iktar nies fuq il-Facebook u s-siti soċjali li qed jaqbżu għall-partit rispettiv tagħhom, bħan-nagħaġ, minflok jibgħatuhom għand boxxla xjaten, kif jixraqilhom. Verament missejna l-qiegħ, fejn kulħadd jinxtara, kulħadd tilef il-prinċipji u kulħadd lest jixxala max-xitan basta jitla t-taraġ ta’ Kastilja.
Verament għadna poplu ossesjonat biex illum hemm iktar nies fuq il-Facebook u s-siti soċjali li qed jaqbżu għall-partit rispettiv tagħhom, bħan-nagħaġ, minflok jibgħatuhom għand boxxla xjaten, kif jixraqilhom. Verament missejna l-qiegħ, fejn kulħadd jinxtara
L-ittra ta’ DB li kixfet illi l-kumpanija kienet qed tħallas il-pagi ta’ Brian St John u Rosette Thake (liema akkużi ġew rifjutati mill-PN kważi 24 siegħa wara) ma kinitx biss daqqa kważi mortali lill-fortuni tal-PN. Imma kienet ukoll daqqa ta’ ħarta kbira lill-fiduċja fil-politiċi kollha. U l-Labour sejjer żbaljat jekk qed jaħseb li kulħadd se jmur jistkenn taħt l-umbrella tiegħu għax il-PN żelaq waħda nobis. L-akbar akkwist tal-PL huwa li ta’ majnata tajba lill-PN, imma hu jżomm mal-wiċċ xorta għadu!
Jista’ jkun li din kienet qisha ‘rebħa’ għall-PL. Il-pajjiż tilef imma. Il-poplu tilef imma. Il-votanti ta’ rieda tajba tilfu...u aktar kemm nisimgħu b’ħama u aktar kemm il-politiċi jħammġu lil xulxin biex jgħattu dnubiethom u aktar kemm in-nies iċapċpulhom talli qed ifottuhom, aktar tinżel il-forka fuq pajjiżna, aktar nies jżommu l-bogħod mill-politika. Aktar votanti jgħidu ‘le, le u le...ma rridux dik il-politika, ma rridux ninxtraw ma rridux ninżlu fil-qiegħ. Inżlu intom, tniżżlux lilna. Tħammġu intom, tħammġux lilna. Itilfu intom id-diċenza, mhux aħna. Tħabbtu intom għal-perkaċċi u l-privileġġi tagħkhom, iddaħlux lilna. Iffoxxnaw intom, aħna nħarsu lejkhom u meta jasal il-waqt niġġudikawkhom.’
Ma rridux dik il-politika, ma rridux ninxtraw ma rridux ninżlu fil-qiegħ. Inżlu intom, tniżżlux lilna. Tħammġu intom, tħammġux lilna. Itilfu intom id-diċenza, mhux aħna.
Dalgħodu qed nisma’ aktar nies iddisgustati, aktar nies li qed jaqtgħu qalbhom. Din mhux il-politika li rridu. Ma rridux nagħżlu minn dak li hu l-inqas maħmuġ mit-tnejn.
Malta jixraqilha bil-wisq aħjar.