Il-Kampanja Paga Minima Diċenti ssostni li reviżjoni tal-COLA waħedha mhux soluzzjoni

L-organizzazzjonijiet li qed imexxu din il-kampanja nedew it-‘Tour Pagi Diċenti’ li se jibda' jdur minn raħal għall-ieħor biex iqajjem aktar għarfien dwar il-bżonn ta' żieda fil-paga minima

F'konferenza tal-aħbarijiet li seħħet dalgħodu quddiem il-bini tal-Parlament, il-Kampanja Paga Minima Diċenti nediet it-‘Tour Pagi Diċenti’.

Charles Miceli mill-‘Alleanza Kontra l-Faqar’ fetaħ il-konferenza tal-aħbarijiet billi ħabbar li dan it-tour, wara l-ewwel waqfa tiegħu fil-Belt Valletta, se jibda jdur l-irħula u l-pjazez ta’ Malta biex iqajjem aktar għarfien dwar is-sitwazzjoni ta’ dawk il-ħaddiema Maltin li mhux ilaħħqu mal-ħajja, u qed jgħixu b’nuqqas ta’ dinjità minħabba l-paga minima.

Waqt il-waqfiet fl-irħula u żoni industrijali, l-organizzazzjonijiet u individwi involuti fil-Kampanja se jkunu qed jispjegaw u jiddiskutu l-proposta tagħhom għal żieda ta’ 11% fil-paga minima, mifruxa fuq tliet snin, permezz ta’ żieda ta’ 3.5% kull sena. 

Miceli spjega li permezz ta’ din il-proposta, dawk li bħalissa qegħdin jaqilgħu paga minima, fi żmien tliet snin ikunu qegħdin jaqilgħu €80 iktar fix-xahar apparti ż-żidiet tal-COLA. Barra minn hekk, żieda bħal din se toħloq pressjoni għal żieda f’pagi baxxi oħra, li tfisser li iktar ħaddiema jibdew jirċievu paga diċenti.

L-ILLUM staqsiet jekk reviżjoni fiż-żieda fil-COLA biss, bħalma proponew l-imsieħba soċjali, tkunx biżżejjed biex ittaffi l-piż tal-għoli tal-ħajja fuq il-ħaddiema. Dwar dan, Charles Miceli u Andrè Callus sostnew li filwaqt li reviżjoni u żieda tal-COLA huma importanti u ta’ benefiċċju għall-ħaddiema kollha, b’ebda mod ma tista’ tkun l-unika soluzzjoni biex tpatti għal paga minima baxxa.

Callus saħaq li “r-reviżjoni tal-COLA għandha tkun hemm, iżda l-paga minima għandha togħla wkoll, għax b'reviżjoni tal-COLA biss min għandu paga minima fejn hu se jibqa’.”

Kienet din il-gazzetta li fil-ħarġa tat-18 ta’ Dicembru tal-2016 żvelat li jidher li l-imsieħba soċjali mhux se jkunu qed jilqgħu l-proposta tal-Kampanja. Dakinhar, l-ILLUM kienet irrapportat li kien hemm kunsens li kull miżura jew proposta għal żieda fil-paga minima ma tistax toħloq l-effett tal-‘konċertina’; li żieda fil-paga minima twassal għal żidied fil-pagi kollha li jaqgħu fil-faxex ta’ taħt il-paga medja.

Hemm min isostni li żieda fil-paga minima tħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija
Mistoqsijin dwar l-effett fuq l-ekonomija u fuq min iħaddem minħabba li jekk togħla l-paga minima, ikollhom jogħlew il-pagi l-oħra kollha, Miceli u Callus spjegaw li l-proposta tagħhom hija ta’ żieda ta’ 11% fuq il-paga minima u mhux persentaġġ fuq kull paga. Din il-proposta se tħalli effett pożittiv fuq il-pagi baxxi wkoll u din hija ħaġa li l-organizzazzjonijiet jaqblu magħha, minħabba li min jaqla’ ftit aktar minn paga minima, qiegħed fl-istess sitwazzjoni. Charles Miceli spjega li, “żieda ta’ 11% tal-paga minima se tinħass minn min għandu dħul baxx u minimu, iżda jkun negliġenti għal min għandu paga għolja, u mhux se jkun ta’ piż għal min iħaddem u qiegħed jagħmel profitti kbar.”

Dwar l-argumenti li jsostnu li l-ekonomija Maltija ma tiflaħx għaż-żieda proposta, il-kampanja temmen li dan jikkuntrasta sew ma’ dikjarazzjonijiet oħra dwar it-tkabbir tal-ekonomija Maltija. Kemm Charles Miceli kif ukoll id-Direttur tal-Caritas, Leonid McKay sostnew li jekk l-ekonomija hija vera b’saħħitha daqs kemm qed jiftaħar il-Gvern, “mhux se tkun sfida serja li tiżdied il-paga minima għall-ħaddiema, li fuq kollox huma l-kontributuri prinċipali biex il-pajjiż imur tajjeb.”

Għall-kuntrarju, huma jemmnu li ż-żieda jista’ jkollha effetti ekonomiċi pożittivi bħal tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema li jitilqu mix-xogħol u li jridu jiġu sostitwiti, u iktar flus fl-idejn biex tkompli ddur ir-rota ekonomika.

‘Żieda fil-paga minima hija ġustizzja soċjali’

Fl-intervent tiegħu waqt il-konferenza, Leonid McKay sostna li l-iskop tat-talba biex tiżdied il-paga minima huwa bħala miżura ta’ ġustizzja soċjali, u mhux biex jinqered il-faqar. McKay sostna li “l-faqar jolqot aktar lil min hu barra mid-dinja tax-xogħol. Din l-inizzjattiva hija għal ġustizzja soċjali mal-ħaddiem li jaħdem u jaqla’ paga li ma tkunx biżżejjed biex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja.”

McKay żied jgħid li din hija kampanja responsabbli, għax it-talba ta’ żieda ta’ €80 fix-xahar sal-2019, hija waħda responsabbli u deċenti.

Il-Kampanja tisħaq ukoll li żieda fil-paga minima m’għandhiex issir f’forma ta’ benefiċċji jew allowances imħallsa mill-Gvern għaliex dawn ma jkunux riflessi fil-pensjoni ta’ dawk li jaqilgħu paga baxxa. L-organizzazzjonijiet jemmnu wkoll li m’għandux ikun il-Gvern li jissussidja pagi baxxi mit-taxxi tal-poplu għaliex hija r-responsabbiltà ta’ dawk li qed jagħmlu l-profitti li jħallsu pagi diċenti.

L-organizzazzjonijiet li qed imexxu dan it-Tour, xorta jemmnu li żieda ta’ 11% mhux biżżejjed, iżda almenu tkun ta’ bidu biex tagħti naqra aktar diċenza għal min jaqla’ ftit u bħalissa mhux ilaħħaq mal-ħajja.

 

Fix-xhur li ġejjin, il-Kampanja Paga Minima Diċenti se tkun qed tiddiskuti l-proposta tagħha għal żieda fil-paga minima direttament man-nies waqt iż-żjarat tagħha f’lokalitajiet u postijiet tax-xogħol differenti matul it-‘Tour Pagi Diċenti’.

In-nies se jkunu infurmati bid-dati u l-postijiet tat-tour permezz tas-sit elettroniku www.pagaminima.org u l-paġna ta’ Facebook Kampanja Paga Minima Diċenti, li permezz tagħhom ikunu wkoll jistgħu jagħmlu kuntatt mal-organizzazzjonijiet.

More in Politika