Numru ta’ kameras CCTV se jibdew jitwaħħlu f'diversi toroq fis-Swieqi, lokalità li għal snin twal rat problemi ta' vandaliżmu, serq u sokor fit-toroq tagħha minħabba li tinsab viċin Paceville, fost raġunijiet oħrajn. L-ewwel kameras se jitwaħħlu fi tliet toroq fis-Swieqi, Triq Swieqi, Triq is-Sidra u Triq il-Qasab. “Dan se jkun l-ewwel proġett ta’ dan it-tip,” sostna l-Ministru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis waqt l-iffirmar tal-ftehim għal din is-sistema li sar bejn il-Ministeru u l-Kunsill Lokali.
Kienet l-ILLUM li fil-bidu ta’ Jannar, irrappurtat dwar inċidenti fiż-żona irrappurtati minn numru ta’ residenti li għamlu kuntatt mal-illum.com.mt u rrakontaw il-problemi u l-ħsarat li qed jiffaċċjaw kważi kull ġimgħa fuq il-proprjetà mobbli u immobbli tagħhom.
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li din l-inizzjattiva qegħda ssir bl-iskop li l-komunità tingħata lura “parti mill-fastidju li jista’ jġib miegħu it-turiżmu.”
Il-Ministru wera t-tama tiegħu li l-proġett jiġi estiż għall-partijiet oħrajn tal-ġżira, bħal San Pawl il-Baħar, fejn ir-residenti qegħdin jaffaċċjaw problemi simili.
Is-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat qal li dik li bdiet bħala problema ta’ vandaliżmu u storbju magħmul minn żagħżagħ fi triqthom lura minn postijiet tad-divertiment, skalat għal atti kriminali aktar serji, serq minn djar u saħansitra qtil, li seħħ riċentament.
Is-Sindku qal li maż-żmien, in-numru ta’ residenti tar-raħal mistenni biss li jiżdied, b’ħafna turisti u barranini jagħżlu s-Swieqi biex jgħixu fih mal-wasla tagħhom f’Malta.
“Ninsabu f’kuntatt kostanti mal-Pulizija u tlabna għal aktar rondi,” qal Muscat, hekk kif spjega li filwaqt li r-rondi żdiedu, xorta huwa diffiċli żżomm kontroll fuq iż-żona kollha l-ħin kollhu.
Zammit Lewis spjega li bħalissa hemm erba’ tipi ta’ residenti jgħixu s-Swieqi. Maltin li ilhom jgħixu hemm għal tul ta’ żmien, turisti, numru ta’ ħaddiema mill-UE, speċjalment li jaħdmu fl-industrija tal-gaming, u numru ta’ persuni oħra li ma jiġux minn pajjiżi tal-UE iżda li qegħdin jaħdmu f’pajjiżna.
Is-sitwazzjoni għar-residenti f’ċertu toroq saret diffiċli ħafna,” sostna Zammit Lewis, hekk kif enfasizza l-importanza li tiġi assigurata wkoll is-sigurtà u l-kumdità anke lit-turisti u l-barranin.
“Hemm bżonn li jkun hawn ko-eżistenza b’saħħitha bejn l-ikbar industrija ta’ Malta bħalissa u d-dritt tan-nies li jgħixu f’ambjent ta’ paċi u sigurtà,” temm jgħid il-Ministru.