Neħilsu mill-Madmad

Joe Ellis: 'Il-fatt li SmartCity minflok kalamita għall-investiment barrani qiegħda aktar ... tiddependi fuq il-Gvern sabiex tibqa’ għaddejja mhi l-ebda ġustifikazzjoni sabiex il-Gvern jarmi l-potenzjal ta’ art daqshekk prominenti...'

L-avvenimenti ta’ din il-ġimgħa jagħtu lok għal ħafna riflessjoni. Jeħtieġ inkunu onesti magħna nfusna u ma noqogħdux nippruvaw niskjurjaw il-punti f’dibattiti bla sens.

Jekk kien hawn xi ħadd jilludi ruħu li ż-żewġ partiti l-kbar ma jakkwistawx il-finanzjament tagħhom min-negozjanti l-kbar f’din il-gżira, żgur li ma kienx f’sensih. F’dan naqbel ma’ dak li qal Matthew Vella, l-editur tal-MaltaToday f’Dissett meta qal li dak li qal Simon Busuttil nhar il-Ħadd m’għandu jkun ta’ sorpriża għal ħadd. Busuttil, filgħodu kien ħabbar li se jikteb lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-bejgħ ta’ 25,000 metru kwadru ta’ art fil-Bajja ta’ San Ġorġ, wieħed mill-iprem siti f’Malta. Id-db Group tas-Sur Silvio Debono ħa dan is-sit wara sejħa għall-espressjoni ta’ interess li qanqlet bosta mistoqsijiet għall-prezz ta’ €15m, li minnhom €5m biss tħallsu mal-kuntratt. Wara nofsinhar, Arthur Gauci, il-kap eżekuttiv tad-db Group, bagħat sms lil Busuttil li fiha talab lura l-flus kollha li dan il-grupp kien ta lill-Partit Nazzjonalista.

Busuttil stqarr li ħassu mhedded b’dan il-messaġġ. Madankollu, kif stqarret Daphne Caruana Galizia, aktar milli theddida, il-mossa ta’ Debono/Gauċi kienet pjuttost ritaljazzjoni. Ritaljazzjoni li l-flus kollha li Debono ta lill-Partit Nazzjonalista ma swewx sabiex jixtru lill-PN u jżommuh milli juri l-oġġezzjoni tiegħu għal dan il-proġett. 

Silvio Debono ma jistax jippretendi li għax ta l-flus li ta jew għax ta x-xogħol lill-viċi kap tiegħu, il-PN jirrinunzja għar-rwol fundamentali li jiddefendi l-interessi pubbliċi u jisskrutina l-operat tal-Gvern Joe Ellis

Tajjeb li mill-ewwel nippuntwalizzaw il-fatti dwar dan il-proġett u għala huwa daqshekk oġġezzjonabli u mhuwiex fl-interess nazzjonali. Fl-ewwel lok, meta saret is-sejħa għall-espressjoni għal dan il-proġett (u wieħed ma jistax assolutament jeskludi li tali sejħa saret fuq istigazzjoni tad-diretti interessati), imkien ma ssemma li dan il-proġett jista’ jintuża għal skopijiet residenzjali. Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni adekwata għala f’daqqa waħda dan il-proġett minn wieħed esklussivament kummerċjali żdiedlu element qawwi residenzjali. Iż-żieda ta’ żewġ torrijiet għal skop residenzjali jbiddel kompletament l-parametri kummerċjali tal-proġett. Is-sejħa tal-offerti dehret li nħadmet bizzilla għal min eventwalment wieġeb għaliha. Ġrew ukoll xnigħat li tpoġġiet pressjoni fuq min setgħa kien interessat f’din is-sejħa sabiex joqgħod lura billi ġie mwiegħed kumpens alternattiv.

Intant fl-istess żona kienu ġraw żviluppi kbar f’dawn l-aħħar snin li juru kemm hi art prominenti: il-kumpanija Ingliża C.H. Bailey oriġinarjament kienet ġiet Malta biex tmexxi t-tarzna tal-Ammiraljat.  Għal għexieren ta’ snin  kellha l-lukanda Villa Rosa li kienet ilha għal ħafna snin tipprova tiżviluppa. Fl-2009, biegħet is-sit tal-lukanda lill-imprenditur Malti għall-prezz ta’ €35m. Barra minn hekk, dan l-imprenditur daħal f’konvenju għax-xiri ta’ siegħ raba (195 m.k.) fiż-żona għal €4m u qabbad lill-arkitett ta’ fama dinjija, Zaha Hadid sabiex tagħmillu pjanti għall-art li xtara.

Mill-banda l-oħra, il-Corinthia li diġà kellhom l-lukanda Corinthia San Ġorġ u l-Marina San Ġorġ xtraw lill-Island Hotels għal €45m minbarra li assumew id-dejn tal-kumpanija tal-familja Zahra.  Intqal li għamlu hekk sabiex jakkwistaw l-SAS Radisson San Ġorġ sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw kumpless turisitiku u marina ta’ sitt stilel f’San Ġorġ. Kemm is-sit tar-Radisson kif ukoll tal-lukandi tal-Corinthia kienu oriġinarjament konċessi minn gvern Nazzjonalista fit-tmiem tas-snin tmenin meta l-industrija turistika ma kienetx dik li hi llum u l-prezzijiet tal-proprjetà kienu ferm ’il bogħod minn dawk tal-lum.

Jekk kien hawn xi ħadd jilludi ruħu li ż-żewġ partiti l-kbar ma jakkwistawx il-finanzjament tagħhom min-negozjanti l-kbar f’din il-gżira, żgur li ma kienx f’sensih Joe Ellis

Meta wieħed iqis li siegħ raba’ fiż-żona ġab €4m, kif wieħed jiġġustifika li 25,000 m. jew 22 tomna (għal min ma jafx tomna fiha sitt sigħan) jinbiegħu għal €15m, li minnhom €5m biss ser jitħallsu mal-kuntratt u l-kumplament fuq seba’ snin mingħajr il-ħlas tal-imgħax? Il-Gvern semma’ li l-prezz totali tal-art huwa ta’ €60m imma din il-figura tintlaħaq biss jekk iċ-ċnus temporanji kollha ta’ 99 sena jinbidlu fi ċnus perpetwi u wara jiġu mifdija. Madankollu, anke jekk is-somma ta’ €60m titħallas illum stess, xorta jibqa’ l-fatt li s-somma tidher li hija baxxa wisq. Perit li jagħmel bosta stimi ta’ propjetà kif ukoll żewġ sensara prominenti stmaw l-art in kwistjoni bejn €150m u €200m.  U ma rridux ninsew il-kunsiderazzjoni mhux traskurabbli li sabiex inċaqilqu l-ITS għal SmartCity ser tiswa aktar minn €75m. 

Il-fatt li SmartCity minflok kalamita għall-investiment barrani qiegħda aktar u aktar ma jgħaddi ż-żmien tiddependi fuq il-Gvern sabiex tibqa’ għaddejja mhi l-ebda ġustifikazzjoni sabiex il-Gvern jarmi l-potenzjal ta’ art daqshekk prominenti a skapitu tal-ġid komuni. Matul is-snin kemm-il darba sar negozju ħażin jew mhux daqshekk tajjeb a skapitu tal-ġid komuni u dan ma jfissirx li għandna nkomplu fl-istess vena. U wieħed ma jistax iqabbel art fil-Kalkara ma’ art fil-bajja ta’ San Ġorġ fil-qalba tal-Golden Mile ta’ Malta.

Stabbiliet il-fatt li din il-konċessjoni ma saritx fl-aħjar interess tal-poplu, irridu nikkunsidraw ir-relazzjoni bejn id-db Group u l-Partit Nazzjonalista. Kif għidt, naħseb li ħadd m’għandu jiskandilizza ruħu li l-imprendituri l-kbar jiffinanzjaw l-operat taż-żewġ partit l-kbar. Meta ħareġ li Silvio Debono kien qed, skont hu, jiffinanzja l-pagi ta’ żewġ uffiċjali għolja tal-PN, bosta kienu l-partitarji Nazzjonalisti li rreaġixxew ħażin. Bħalma rreaġġixxew ferm ħażin meta ħareġ li l-viċi-kap, Mario DeMarco kien il-konsulent legali tad-db Group fin-negozjati li kien qed ikollu ma’ Kastilja dwar din l-art. 

M’hemm xejn ħażin li imprenditur jew sinjur jiffinanzja partit politiku. Li hu meħtieġ hu li tali finanzjament isir fid-dawl tax-xemx billi jiġi dikjarat u li ħadd ma jippretendi xejn lura.  Probabilment il-limitu li l-liġi tal-finanzjament pubbliku tal-partiti timponi fuq tali donazzjonijiet ta’ €25,000 huwa baxx wisq. Jekk Silvio Debono ħass li għandu jagħti lill-PN għax jaqbel mal-għanijiet tiegħu, sewwa għamel. Imma jekk hu ta sabiex ipoġġi sarima ma’ ħalq il-PN u jkun jista’ jikkontrollah sabiex ma jxekkilx l-interessi kummerċjali, allura tali atteġjament assolutament mhuwiex aċċettabli.

Dan Silvio Debono huwa negozjant pjuttost kontroversjali. Minn propjetarju ta’ lukanda żgħira fl-Għadira, sar il-proprjetarju ta’ imperu żgħir. Il-lukanda fl-Għadira kibret b’mod impressjonanti bl-għoti ta’ art pubblika u barra minn hekk, għandu lukanda fil-Qawra u sehem fil-kuntratt tal-ikel tal-isptarijiet u tal-Air Malta. Xi snin ilu ssemma’ li t-triq tal-Għadira għandha tiċċaqlaq sabiex il-lukanda tiegħu tmiss max-xtajtha. Matul is-snin bosta kienu x-xnigħat li kien igawdi minn appoġġi politiċi importanti ta’ kull kulur.

Simon Busuttil seta’ għalaq ħalqu, ma tkellem xejn u baqa’ jgawdi l-flus tas-Sur Debono. Kulħadd jaf li minkejja snin twal fil-gvern, Busuttil wiret partit b’qagħda finanzjarja ferm prekarja kuntrarjament għal dik tal-partit li kien fl-oppożizzjoni. Tassew qagħda ironika. U għaldaqstant żgur kien kostrett jagħmel għażliet li normalment wieħed ma kienx ikollu għalfejn jagħmel. Imma Silvio Debono ma jistax jippretendi li għax ta l-flus li ta jew għax ta x-xogħol lill-viċi kap tiegħu, il-PN jirrinunzja għar-rwol fundamentali li jiddefendi l-interessi pubbliċi u jisskrutina l-operat tal-Gvern.

Il-mod kif aġixxa Debono huwa tassew kundannabli u attakk ċar fuq id-demokrazija f’pajjiżna.  Għandu kull dritt ma jibqax jagħti flus lill-PN jekk ma jogħġbux il-mod kif inhu mixi, speċjalment fil-kwistjoni li tirrigwardjah. Imma m’għandu l-ebda dritt jipprova jagħlaqlu ħalqu għaliex tah il-flus. Hija loġika tassew żbaljata u li eventwalment ser tkun kontraproduċenti għal istess interessi kummerċjali tiegħu.

Madankollu, il-morali ta’ din is-saga hi li rridu naħsbu sew dwar il-mod kif jiġu finanzjati l-partiti u jitħallsu l-politiċi tagħna. Jekk ngħożżu d-demokrazija, irridu ndaħħlu idejna fil-but aktar, kemm individwalment kif ukoll bħala pajjiż. Ma nistgħux nibqgħu f’sitwazzjoni fejn il-partiti politiċi, il-politiċi u anke l-ġurnalisti jkunu fil-but ta’ interessi speċjali.  Dawna spiss m’huma xejn skruplużi u ħsiebhom biss sabiex iwettqu l-aġenda privata tagħhom ta’ aktar rgħiba u gwadann a skapitu tal-ġid komuni.

Dwar dan għandu jkun hemm sforz komuni mill-forzi politiċi kollha sabiex jinstabu soluzzjonijiet sabiex il-ħajja pubblika ssir aktar trasparenti u l-ġid komuni jitkattar u mhux jinsteraq. Kif għidna drabi oħra, id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kumitat Magħżul tal-Kamra għat-Tisħiħ tad-Demokrazija li kienu bdew fil-leġislatura preċedenti kien bidu ferm utli fir-rigward. Ma rridux l-anqas ninsew ir-rapport tal-Kummissjoni Galdes tal-1995 dwar il-finanzjament tal-partiti li ħafna minnu baqa’ ma twettaqx. Għalkemm il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti għaddiet mill-parlament, huwa ferm dubjuż kemm din hi adekwata fiċ-ċirkostanzi attwali.  Fl-istess waqt, il-partiti jridu jagħmlu eżami tal-kuxjenza u jaraw jekk tassew jifilhux għall-istrutturi li llum għandhom.  Huwa tassew ironiku li fl-iżgħar pajjiż tal-Unjoni Ewropea biss li għandek żewġ partiti bir-radju u t-televiżjoni tagħhom. 

Li hu ċar hu li jekk irridu demokrazija f’saħħietha, ma nistgħux inħallu lill-interessi speċjali jiddettaw l-aġenda huma a skapitu tal-ġid komuni. Dwar dan kull min hu ta’ rieda tajba, irrispettivament mill-orjentament politku tiegħu, għandu jaqbel. U għalhekk il-poplu jistenna li l-partiti jpoġġu madwar mejda sabiex jeħilsu mill-madmad ta’ dawn l-interessi speċjali u okkulti u mhux jibqgħu jinfexxu f’akkużi reċiproċi meta l-verità hija ferm ċara għal min tassew irid jaraha.

 

 Joe Ellis huwa kandidat tal-PN fuq it-13-il distrett

 

 

 

More in Politika