L-ewwel tiri elettorali tal-kampanja Laburista

....  dak li qal u dak li jista’ jfisser id-diskors ta’ Joseph Muscat is-Sibt li għadda fl-Orpheum

.
.

Kien diskors pjuttost b’saħħtu dak ta' nhar is-Sibt li għadda tal-Prim Ministru Joseph Muscat li fil-Gżira, ta l-ewwel indikazzjonijiet ta’ kif u fuq liema suġġetti u kwistjonijiet il-Partit Laburista se jkun qed jiġġieled l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Huwa ċar, mid-diskors ta’ Muscat li dan se jkun, forsi mingħajr wisq sorpriżi, qed jiġġieled l-elezzjoni l-aktar fuq l-ekonomija u dawk li bl-Ingliż insejħu bread and butter issues. Id-diskors ta’ Muscat kien jissinnifika l-bidu nett tal-kampanja Laburista, wara li l-avversarju Nazzjonalista ilu li ‘xegħel il-magna’ xhur sħaħ.

Fl-Orpheum, Muscat tkellem fit-tul dwar il-kisbiet li għamel Gvern Laburista fuq diversi fronti. “Is-suċċessi li ksibna f’dawn l-erba’ snin mhuma xejn ħdejn dak li għad irridu niksbu,” qal Muscat filwaqt li fakkar illi għad fadal “sena oħra ta’ ħidma li warajha mmorru għand in-nies u ngħidulhom ara x’wegħedniekom... dak kollu li wegħedna wettaqnieh bil-provi.”

Dan il-kliem ta’ Muscat jixhed żewġ affarijiet. L-ewwel nett, konferma li l-elezzjoni se ssir fl-2018 u mhux skont id-diċeriji kontinwi li fil-fatt se ssir din is-sena, anke jekk id-Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona indika b’mod mill-aktar ċar li wara l-Presidenza, il-Partit se jkun qed jibda jipprepara għall-kampanja elettorali. It-tieni, huwa ċar li l-PL se jmur bil-lista ta’ dak li wiegħed, naturalment bl-aktar wegħdi li affetwaw il-but u dawk li affetwaw lin-nies direttament.

Muscat tkellem dwar diversi setturi li fihom għamel suċċess, anke jekk tkellem fuq oħrajn fejn is-suċċess huwa meqjus li huwa limitat. Tkellem dwar il-libertajiet ċivili ġodda. “Filli konna l-aħħar u filli llum il-ġurnata, l-pajjiżi kollha jħarsu lejna bħala wieħed mill-aqwa pajjiżi fil-libertajiet ċivili,” sostna Muscat is-Sibt. Fuq dan il-punt, Muscat għandu ħafna x’juri u ħafna biex jiftaħar, drittijiet li sa ftit ilu lanqas biss konna noħolmu li jidħlu f’pajjiżna.

“Il-pajjiż illum ma jingħarafx, il-qtugħ ta’ qalb sar kuraġġ, negozji li qatgħu qalbhom issa qed jinvestu, postijiet tax-xogħol qed jiġru wara n-nies, żieda fil-pensjonijiet f’25 sena, minn mediċini out of stock għal operazzjonijiet mingħand il-privat...”

Il-kisbiet ekonomiċi fuq moħħ Muscat

Huwa ċar li Muscat qiegħed jiddependi ħafna fuq il-kisbiet ekonomiċi tal-pajjiż, imma wkoll kwistjonijiet li llum ftit jew xejn għadhom jissemmew, fosthom problema rikorrenti għal ħafna żmien ta’ mediċini li ma jkunux jistgħu jingħataw lill-pazjent. 

Muscat ftaħar bil-kisbiet ta’ wieħed mill-aqwa Ministri li għandu fil-kabinett, Evarist Bartolo, u l-fatt li f’dawn l-aħħar xhur apparti xogħol ta’ manutenzjoni u bini ta’ skejjel, kien iffukat ħafna fuq għajnuna lil studenti li ġejjin minn sfond diffikultuż. Dan il-Gvern beda l-Alternative Learning Programme fi skejjel differenti, proġett ta’ sfida enormi imma li qed jimpatta pożittiv lil bosta studenti li kellhom qalbhom maqtugħa jew li ma kellhom ebda interess fl-iskola.

Il-but, il-but, il-but

Muscat tkellem dwar il-kisbiet fit-turiżmu u ma setax jonqos li għal darba darbtejn, jitkellem dwar l-aktar wegħda importanti fil-manifest tal-PL fl-2013, jew inkella l-aktar wegħda li ġabitlu voti. Dik tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Naturalment, din hija wegħda li tolqot il-but u kull wegħda li tolqot il-but, il-votant huwa interessat ħafna fiha.

Fil-fatt minn stħarriġ li kien sar mill-gazzetta MaltaToday ftit ġimgħat ilu jirriżulta li mas-60% tal-elettorat iħoss li huwa l-but u d-dħul personali li huwa l-aktar importanti. 

Dom Mintoff...

Minħabba li quddiemu kien hemm ħafna Laburisti, għalkemm kien hemm ukoll nies bħal Cyrus Engerer li fl-aħħar elezzjoni vvutaw lill-PL għall-ewwel darba, Muscat ma setax ma jqanqalx il-ħeġġa tal-partitarji Laburisti billi jsemmi, kif ilu jagħmel, lil Dom Mintoff.

Muscat qed jgħaqqad dak li jsejjaħlu l-‘proġett ta’ Mintoff’ mal-proġett tiegħu jiġifieri dak li Malta ssir ‘l-aqwa fl-Ewropa’ u li pajjiżna jibda “jitma’ mhux biss lill-Maltin iżda wkoll lill-barranin.” Naturalment, hawnhekk Muscat qed jipprova jbiddel xkiel elettorali fil-forma ta’ biża’ mill-barranin u li hawn ‘invażjoni’, f’punt pożittiv. “Komplejna mexjin fit-triq li qbadna, fit-triq li qabbduna l-fundaturi tagħna biex inkunu l-aqwa fl-Ewropa,” kompla jgħid Muscat.

Pjan ta’ 10 snin...

Intant, Muscat reġa’ enfasizza li qed iħares lejn pjan ta’ 10 snin, jiġifieri pjan li jista’ jwettqu biss jekk jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. Huwa ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jistaqsu jekk il-Gvern preżenti jixraqlux ikompli fit-triq “li tmexxi lill-pajjiż ’il quddiem. Il-pajjiż għandu bżonn jibqa’ għaddej it-triq kollha, nibnu fuq il-pedament li bnejna.”  

Koalizzjoni soċjali u l-faqar..

Fid-diskors tiegħu li kien pjuttost qawwi, il-Prim Ministru reġa’ tkellem fl-stess vena tal-aħħar elezzjoni ġenerali. Muscat sejjaħ għal koalizzjoni u sejjaħ għal dawk ta’ quddiemu biex jaċċettaw lil dawk li qed jersqu lejn il-PL. Fil-fatt, Muscat jaf li f’dawn l-aħħar erba’ snin kien hemm ċerta reżistenza għal nies ġodda fil-partit l-aktar wara l-każ ta’ Lou Bondi u fid-dawl ta’ ħafna Laburisti li jħossu li l-partit ‘nesiehom’ jew inkella għax ma nqdewx fuq xi ħaġa personali.

Tant hu minnu li teżisti din il-pressjoni, li sa din il-ġimgħa stess mart il-Prim Ministru kienet irrekordjata tħeġġeġ lil-Laburisti biex ma jemmnux lil dawk li jwegħduhom pjaċiri li jafu li ma jistgħux iwettqu.

Muscat donnu jrid jaqta’ l-għatx bil-perżut lil dawk li qed jistennew xi pjaċir li ma ħaqqhomx, tant li għamilha ċara li, “għad hawn min irid jintlaħaq aktar, u mhux qed nitkellem pjaċiri...jekk hemm xi ħadd li għadu ma jistax jgħaddi, nies bir-relief....dawk huma l-ewwel nies li rridu ngħinu,” sostna Muscat.

Huwa ċar li Muscat qed jagħmel ħiltu biex jerġa’ jibni immaġini ta’ politiku li qed imexxi partit ċentru-xellugi li jħares u jwieżen lill-ħaddiem ‘iż-żgħir’ li wara kollox, dejjem kien għadma importanti fis-sinsla Laburista.

Apparti minn dan, jidher ukoll li Muscat qed jipprepara biex fl-elezzjoni li jmiss, minbarra lista ta’ kandidati li dejjem kienu Laburisti, iżid nies bħal Ian Castaldi Paris, u min jaf? Forsi Franco Debono u Jean Claude Micallef (ara paġna 3).

Il-governanza mhux se tkun żiemel tal-Labour

Naturalment, fid-diskors tiegħu Muscat ma semmiex il-governanza. Jista’ jkun li għadu kmieni, però iktar jista’ jkun, li jaf li se tkun diffiċli li jiġġieled lill-PN fuq din il-kwistjoni, anke jekk fil-fatt il-PN stess għadu kif ħa daqqa serja grazzi għall-każ db.

Jgħid ħafna l-fatt u jiżvela ħafna, li kien il-PN fir-reazzjoni tiegħu għad-diskors ta’ Muscat li semma l-kelma korruzzjoni. Jidher biċ-ċar fejn qed jippożizzjonaw lilhom infushom il-partiti, sena qabel elezzjoni ġenerali. 

More in Politika