Suċċess ekonomiku b'saħħtu

'Tmur fejn tmur, hi x'inhi l-fehma politika, kulħadd jgħidlek li bħalissa għaddejjin minn perjodu ekonomiku sabiħ ħafna...'

Il-Prim Ministru Joseph Muscat se jibqa' mniżżel fl-istorja bħala l-persuna li rnexxielu jwettaq miraklu ekonomiku b'saħħtu f'pajjiżna.

Minn sitwazzjoni fejn il-pajjiż sena wara l-oħra kien jonfoq iktar milli jdaħħal u kien jakkumula iktar u iktar dejn, Joseph Muscat irnexxielu jbiddel dan kollu tant li rnexxielu jagħlaq is-sena 2016 b'bilanċ pożittiv. Dan għadu mhuwiex kollox. Waqt li l-Prim Ministru ta' qablu kien iżid it-taxxi u l-miżuri awsteri, Joseph Muscat naqqas it-taxxi u żied il-benefiċċji għal kulħadd.

Fejn tidħol it-tmexxija ekonomika, Joseph Muscat wettaq miraklu ekonomiku b'saħħtu.

Waqt li l-Prim Ministru ta' qablu kien iżid it-taxxi u l-miżuri awsteri, Joseph Muscat naqqas it-taxxi u żied il-benefiċċji għal kulħadd

Il-kobor tal-miraklu ekonomiku joħroġ biċ-ċar meta wieħed jara kif sejrin ekonomiji oħrajn fl-Ewropa. Pajjiżna, f'dan is-settur huwa verament l-aqwa fl-Ewropa bl-inqas rata ta' qgħad, bl-ikbar rata ta' xogħol u rata ta' tkabbir ekonomiku impressjonanti. U din it-togħma pożittiva se tkompli għaddejja biex pajjiżna jkompli jikber u jkompli jsir suċċess.

 

 

Tkabbir ekonomiku li jinħass

It-tkabbir ekonomiku li għaddej mhuwiex tkabbir ekonomiku ta' fuq il-karti biss. Anzi, it-tkabbir ekonomiku huwa wieħed li jinħass b'mod b'saħħtu ħafna mill-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Qed ngħid li jinħass għal żewġ raġunijiet. Kemm għaliex kull fejn tmur, l-attività ekonomika qed tilħaq livelli li konna ilna ma naraw bħalhom: jekk iddur id-dipartimenti tal-Gvern, kollha jgħidulek li għaddejjin bla nifs biex ilaħħqu mad-domanda bla preċedent, frott it-tkabbir ekonomiku. Kif ukoll għaliex aħna li nduru d-djar tan-nies nisimgħu ‘first hand’ bl-istejjer u l-esperjenzi tal-familji.

Tmur fejn tmur, hi x'inhi l-fehma politika, kulħadd jgħidlek li bħalissa għaddejjin minn perjodu ekonomiku sabiħ ħafna.

 

Tkabbir ekonomiku li jkun sostnut

 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat b'mod ripetut sostna li dan it-tkabbir ekonomiku mhuwiex ħaġa ta' darba, iżda xi ħaġa li se tkompli għaddejja fix-xhur u s-snin li ġejjin. Anzi, huwa qal li dan mhu xejn ħdejn il-ġid kbir li għad irid jinħoloq fis-snin li ġejjin.

Dan kollu jimliena b'tama tremenda għall-futur- tama li pajjiżna jkompli javvanza b’rata li qatt qabel ma rajna bħalu.

 

Ekonomija li tilħaq lil kulħadd

Kruċjali f'dan kollu li l-Gvern ikompli għaddej bl-isforzi tiegħu biex iqassam il-ġid li inħoloq b'mod ġust u tajjeb. Ladarba l-Gvern Muscat ħoloq il-ġid, issa huwa kruċjali li dan l-istess ġid ikompli jinqasam biex jilħaq lil kulħadd.

Żgur li fejn jidħlu l-baġits, dawn kienu baġits b'saħħithom ħafna fejn il-poplu kiseb iktar u iktar benefiċċji u titjib. Sa mill-ewwel baġit li kien mfassal minn Gvern Laburista ġdid (li kien it-tieni baġit peress li l-aħħar budget tal-Gvern Gonzi ma kienx għadda) rajna miżuri wara miżuri pożittivi ferm li għamlu d-differenza fil-ħajja tal-familji u negozji Maltin u Għawdxin.

Dan il-ġid kollu ma wasalx waħdu jew waqa' mis-sema iżda huwa frott deċiżjonijiet importanti u b'saħħithom.

 

Kritika pwerili

Lanqas naf minn fejn nibda biex nesprimi s-sens qawwi ta' diżappunt fil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil wara r-reazzjoni tiegħu għall-aħbar li pajjiżna għall-ewwel darba f'36 sena irreġistra surplus u mhux deficit. Dan meta suppost is-sena ta' surprlus inkisbet fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern u hu kien il-mibgħut speċjali u mbagħad viċi Kap.

Sieħbi Edward Scicluna diġà spjega b'mod tekniku u preċiż għala l-Kap tal-Oppożizzjoni kien żbaljat mill-bidu sa l-aħħar fil-kritika tiegħu.  Biss mil-lat politiku wkoll Simon Busuttil żbalja u wera s-sens qawwi ta' negattiviżmu u bitterness għal kull ħaġa tajba li ssir u li biha l-pajjiż kollu jmur 'il quddiem. Huma f'dawn il-mumenti li wieħed juri minn xiex inti magħmul. F'dan il-mument, Simon Busuttil wera li hu magħmul minn negattiviżmu l-iktar estrem u patetiku.

 

Jum il-Ħelsien

Dan, u l-aħbar li kompla jiżdied l-investiment u l-ħolqien tax-xogħol f'pajjiżna, kien l-isbaħ aħbar li seta' jagħti l-Prim Ministru Joseph Muscat fl-okkażjoni ta' Jum il-Ħelsien.

F'okkażjoni bħal dik li attendejna fil-Birgu biex infakkru l-ġurnata tal-31 ta' Marzu 1979, hu sabiħ ferm li tħoss ċertu sens ta' qrubija storika bejn iż-żewġ ġganti taċ-ċentru xellug – Dom Mintoff u Joseph Muscat – il-passat u l-futur -  li t-tnejn għamlu l-ħelsien il-qofol tal-ħidma tagħhom. Dom Mintoff, il-ħelsien ta' nazzjon mit-tmexxija ta' forzi barranin. Joseph Muscat, il-ħelsien ta' nazzjon minn dak li fl-aħħar ġenerazzjonijiet kien żammna lura milli nirrealizzaw il-potenzjal ta' pajjiżna.

Dan waqt li nkomplu niggvernaw bħala moviment li jġib flimkien lil dawk kollha f'pajjiżna li bħalna jemmnu li pajjiżna jista' jkompli jikseb iktar suċċessi.

 

Ċertifikati b'saħħithom dwar liġijiet importanti

L-ekonomija hija kruċjali u importanti ferm però l-pajjiż ma jimxix 'il quddiem fuq l-ekonomija biss. U anke hawn, din il-ġimgħa kellna ċertifikati importanti mill-organizzazzjoni Ewropea ta' kontra l-korruzzjoni (il-GRECO) li faħħret tliet riformi li diġà wettaq il-Gvern favur iktar trasparenza u serjetà. Użat aġġettivi bħal "formidabbli" u "groundbreaking" meta ġiet biex tiddeskrivi x-xogħol li ħdimna fl-oqsma tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti, ir-riforma Kostituzzjonali li għamilna dwar il-ħatra u dixxiplina tal-Ġudikanti u t-tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li fih, kliem il-GRECO, jkompli jagħmel din l-istituzzjoni waħda li tirbaħ il-fiduċja tal-pubbliku bis-serjetà u l-awtonomija tagħha. 

Infakkar li ftit ilu, il-Kummissjoni Ewropea wkoll faħħret ir-riformi kbar li qed nagħmlu fil-qasam tal-Ġustizzja.

Ħaddieħor, meta konna qed nagħmlu dawn il-bidliet tant importanti u b'saħħithom, prova jżeblaħna. Illum qed naraw l-aqwa istituzzjonijiet fl-Ewropa jfaħħru l-bidliet li għamilna u wettaqna.

Inħalli lill-poplu jagħżel hu lil min jemmen: jekk hux l-istituzzjonijiet ewlenin Ewropej jew inkella lil min hu negattiv u jaħdem kontra l-bidla f'pajjiżna.

More in Politika